Knisja Kultura Lokali

Ċelebrazzjonijiet Liturġiċi mmexxija mill-Arċisqof fil-Ġimgħa Mqaddsa

L-Arċisqof Charles J. Scicluna jistieden lill-Insara biex jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa li matulhom l-Knisja Kattolika tfakkar il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu. Kulħadd mistieden jattendi għaċ-ċelebrazzjonijiet li ser jippresiedi fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Dawn se jixxandru b’mod dirett fuq TVM, TVMNews+, Radju 103 u online fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt.

Nhar il-Ħadd 2 ta’ April, fis-9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof imexxi ċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm, bit-tberik tal-friegħi taż-żebbuġ u l-palm, u wara jkompli bil-Passjoni tal-Mulej fejn jinqara r-rakkont tal-passjoni mill-Evanġelju skont San Mattew.

Il-Ħamis, 6 ta’ April, Ħamis ix-Xirka, fid-9:00 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra t-Talba ta’ Nofs il-Jum. Din mhux se tixxandar. Fid-9:30 a.m. jiċċelebra l-Quddiesa tal-Griżma. F’din il-quddiesa, flimkien mal-Arċisqof, jikkonċelebraw saċerdoti djoċesani u reliġjużi li jġeddu l-wegħdiet li għamlu fl-ordinazzjoni tagħhom. Dakinhar filgħaxija, fis-6:00 p.m., issir it-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej, fejn fuq l-eżempju ta’ Ġesù, l-Arċisqof jaħsel riġlejn għadd ta’ persuni. Fi tmiem il-quddiesa, l-Arċisqof iwassal is-Sagrament Imqaddes fil-Kappella tar-Ripożizzjoni għall-qima tal-Insara. Din tixxandar fuq TVMNews+ (flok TVM).

Il-Ġimgħa, 7 ta’ April, il-Ġimgħa l-Kbira, fid-9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof imexxi l-Uffiċċju tal-Qari u t-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum, fil-Kappella tal-Madonna ta’ Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana. Fit-3:30 p.m., l-Arċisqof imexxi l-Azzjoni Liturġika tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej. Din il-liturġija tinkludi r-Rakkont tal-Passjoni skont San Ġwann, l-adorazzjoni tas-salib u t-tqarbin. Din tixxandar fuq Radju 103, Knisja.mt u Newsbook.com.mt.

Is-Sibt, 8 ta’ April, Sibt il-Għid, fid-9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof imexxi l-Uffiċċju tal-Qari u t-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum, fil-Kappella tal-Madonna ta’ Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana.

Fit-8:00 p.m., l-Arċisqof imexxi l-liturġija tal-Vġili tal-Għid. Iċ-ċelebrazzjoni tibda bit-Tberik tan-Nar ġdid fuq iz-zuntier tal-Konkatidral u tkompli bil-liturġija tal-Kelma, il-liturġija tal-magħmudija, u l-liturġija tal-Ewkaristija. Matul din iċ-ċelebrazzjoni se jiġu amministrati s-Sagramenti tal-Bidu tal-Ħajja Nisranija (magħmudija, griżma u tqarbin) lill-adulti. Din tixxandar fuq TVMNews+ (flok TVM).

Il-Ħadd, 9 ta’ April, Ħadd il-Għid, fid-9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Stazzjonali tal-Għid il-Kbir tal-Mulej.