Futbol Sport

Futbol lokali: Miet Donald Buhagiar, l-eks attakkant ta’ Floriana FC li lagħab ukoll ma’ Siggiewi u Senglea Athletic

Tħabbret il-mewt ta’ Donald Buhagiar, l-eks attakkant ta’ Floriana FC li lagħab ukoll ma’ Siggiewi u Senglea Athletic

Buhagiar kien prolifiku ħafna fit-tim tal-Greens lejn l-aħħar tas-sebgħinijiet u l-bidu tas-snin tmenin, bis-Siġġiwin jiftakruh ukoll bħala pedina importanti għat-tim tar-raħal tiegħu — tant, li huma jirreferu għalih bħala wieħed mill-aqwa players li qatt ħarġu mis-Siggiewi.

Imwieled proprju s-Siggiewi, Buhagiar iddebutta mat-tim tar-raħal tiegħu fl-età ta’ 15-il sena ( fl-istaġun 1972-73) u minn hemmhekk qatt ma ħares lura. Bħala attakkant pur Buhagiar kien skorer regolari  għas-Siggiwin fiż-żmien meta ħafna mil-logħob tad-diviżjonijiet iż-żgħar kien isir fis-Schreiber sports ground.

Buhagiar kien ingħażel ukoll biex jilgħab mal-Youths ta’ Malta fil-UEFA Tournament tal-1976 u anki skurja l-uniku gowl ta’ Malta fit-tieni leg tal-logħba kontra Franza li ntlagħbet f’Malta u li ntrebħet mill-Franċiżi bl-iskor ta’ 3-1.

Kien anki fl-1976 li Buhagiar kien ittrasferit minn Siggiewi għal mat-tim prestiġjuż ta’ Floriana u fejn hu iddebutta mal-Greens f’rebħa ta’ 3-1 fuq Senglea Athletic.

B’kollox, Buhagiar lagħab 50 logħba fil-kampjonat ma’ Floriana u fejn kien skorja 12-il gowl meta l-Greens kienu rebħu l-ogħla kampjonat fl-istaġun 1976-77. Buhagiar kien anki membru regolari fit-tim tal-Floridna li rebaħ l-FA Trophuy fl-1981 qabel hu issieħeb ma’ Senglea Ath. fl-1984.

Sentejn wara, Buhagiar ingħaqad mill-ġdid ma’ Siggiewi FC fejn ikkonkluda l-karriera tiegħu bħala plejer . Intant, fl-istaġun 1989-90 Buhagiar kien Top Scorer fit-Tielet Diviżjoni bi 17-il gowl minn 14 il-logħba u f’liema staġun Siggiewi kienu rebħu promozzjoni għat-Tieni Diviżjoni.

Minn dawn il-kolonni nixtiequ nesprimu l-kondoljanzi tagħna lill-Familja Buhagiar f’dan iż-żmien diffiċli.