Sport Sport Ieħor

L-Isla jirbħu r-Regatta tal-31 ta’ Marzu wara nuqqas ta’ 11-il sena … Bormla jikkuntentaw b’Kategorija B

(Ritratt: Martin Agius)

Artiklu: Stewart Said

Id-distrett tal-Isla hu r-rebbieħ tar-Regatta tal-31 ta’ Marzu b’dominanza fil-Kategorija Open hekk kif is-Sengleani rebħu erbgħa mill-ħames tlielaq. Dan hu l-11-il suċċess tal-Isla f’din ir-Regatta ta’ Marzu u inċidentalment l-ewwel rebħa mill-2012 jiġifieri 11-il sena ilu. B’hekk laħqu lid-distrett tal-Marsa u jinsabu tnejn anqas biss mir-rekord ta’ Bormla..

Fost dawk diżappuntati żgur huma Bormla li ċertament kienu qed jistennew xi ħaġa aħjar fl-iktar kategorija importanti. Daqqa ta’ ħarta li sofrew żgur seħħet fl-ewwel żewġ tlielaq li fihom ġew skwalifikati. Il-Birgu wkoll kien mistenni aktar minnhom.

Konsolazzjoni għal Bormla bir-rebħ ta’ Kategorija B għal edizzjoni oħra. Il-Kalkara kellhom bżonn biss pjazzament aħjar fl-aħħar tellieqa biex ikunu dikjarati rebbieħa u spiċċaw biss żewġ punti taħt Bormla. Is-sit netnews.com.mt aġġorna b’kontinwu l-andament ta’ din l-edizzjoni tar-Regatta.

(Ritratt: Martin Agius)

Il-mixja tal-Isla lejn ir-rebħa fil-Kategorija Open

L-Isla rebħet it-tellieqa Tal-Midalji b’faċilità mhux mistennija. Dan għaliex id-dgħajjes tal-Birgu u Bormla ġew skwalifikati wara inċident bejniethom, b’konsegwenza li Redeemer Rapa, Glenn Zammit, Russell Bugeja u Andre Gauci spiċċaw ħarġu rebbieħa b’vantaġġ ta’ erba’ tulijiet fuq il-Marsa.

Id-duo Clyde Mizzi u Davison Micallef reġgħu rebħu t-tellieqa tal-Frejgatini iżda din id-darba mal-Isla wara li għamlu isem mal-Kalkara. Huma ħarġu rebbieħa b’qadfa konsistenti, bil-Bormliżi reġgħu ġew skwalifikati.

Il-koppja Clive Casha u Dennis Thornton ma ddiżappuntawx u għall-għoxrin darba konsekuttiva rebħu flimkien it-tellieqa Tal-Pass ta’ bit-Tnejn. Qadfa konsistenti tal-qaddiefa ta’ Bormla li żiedu l-vantaġġ gradwalment u taw nifs ġdid lit-tim ta’ Bormla fit-tentattiv ta’ rimonta.

Iżda s-Sengleani għamlu ċert matematikament mir-rebħa hekk kif rebħu l-palju tal-ewwel fil-Kajjikki permezz ta’ Davison Micallef u Andre Gauci. Huma għelbu l-isfida tal-Birgu u Bormla fi dwell mill-isbaħ.

Għalkemm l-aħħar tellieqa kienet formalità, xorta kienet importanti. L-Isla qatgħet id-dominju ta’ Bormla f’din it-tellieqa u b’hekk spiċċat b’erba’ rebħiet minn ħamsa f’din il-kategorija. L-ekwipaġġ rebbieħ kien magħmul minn Redeemer Rapa, Glenn Zammit, Russell Bugeja u Andre Gauci.

(Ritratt: Martin Agius)

Bormla jaċċertaw mir-rebħ ta’ Kategorija B fl-aħħar tellieqa

L-Isla bdiet Kategorija B fuq nota tajba bir-rebħa tal-veterani Marlon Cutajar u Kevin Camilleri fit-tellieqa Tal-Pass b’żewġ imqadef. Huma spikkaw fl-aħħar parti hekk kif f’mumenti kienu fit-tielet post. Id-dgħajsa tal-Birgu ġiet skwalifikata wara li ġiet iġġudikata li fixklet lil dik tal-Isla.

Fit-tellieqa tal-Kajjikki, il-Kalkara bdiet turi l-potenzjal hekk kif wara t-tieni post fl-ewwel tellieqa, spiċċat fuq quddiem f’din it-tellieqa. Bir-rebħa ta’ Jean Claude Cassar u Joseph Pace, huma kienu telgħu momentarjament fil-quċċata.

Bormla bdiet tittama li tista’ tirkupra f’Tal-Midalji. L-ekwipaġġ rebbieħ magħmul minn Dusty Cassar, Charvon Gatt, Cleaven Falzon, Yannick Pace għeleb l-isfida tal-Kalkara b’differenza żgħira bejn it-tnejn u b’hekk irrepetew is-suċċess tas-sena l-oħra.

It-tellieqa tal-Frejgatini ntrebħet minn Birżebbuġa permezz ta’ Brolin Genovese u Mel Magro. Determinanti kienet il-qadfa fl-aħħar parti hekk kif temmew b’saħħithom u għelbu l-isfida tal-Isla u l-Kalkara.

Qabel l-aħħar tellieqa, l-Isla kienet fl-ewwel post. Iżda kollox inbidel fit-tellieqa Tal-Pass b’Erbgħa mqadef. Bormla rebħet permezz tal-qaddiefa Elton Azzopardi, Charvon Gatt, Clyde Debattista u Yannick Pace. Konsegwenza ta’ pożizzjonijiet oħra, Bormla ħarġet rebbieħa ta’ Kategorija B hekk kif il-Kalkara spiċċat it-tielet u nqabżet biss għal żewġ punti.

Il-Birgu jkomplu jiddominaw it-tellieqa tan-nisa

Il-Birgu għal edizzjoni oħra rebħu t-tellieqa tal-Frejgatini tan-nisa, tellieqa li bdiet aktar tard milli skedat. Il-koppja Shazel Grima u Glynnis Mizzi reġgħu spiċċaw fuq quddiem wara dwell interessanti. Din kienet is-sitt rebħa konsekuttiva għall-Ġirbin wara ż-żewġ tlielaq tal-2019, ir-rebħa f’Jum il-Vitorja fl-2020 u ż-żewġ tlielaq tas-sena li għaddiet. Il-Kalkara u Bormla daħlu t-tieni u t-tielet rispettivament.

(Ritratt: Joseph Galea)

Ir-Riżulati tat-tlielaq kollha

Tellieqa tan-nisa – Frejgatini

Riżultat – 1. Birgu, 2. Kalkara, 3. Bormla

Ekwipaġġ rebbieħ – Shazel Grima, Glynnis Mizzi

L-ewwel tellieqa – Kategorija B – Tal-Pass b’żewġ imqadef

Riżultat – 1. Isla 20 punt, 2. Kalkara 12-il punt, 3. Bormla 6 punti

Ekwipaġġ rebbieħ – Marlon Cutajar, Kevin Camilleri

It-tieni tellieqa – Kategorija A – Tal-Midalji

Riżultat – 1. Isla 20 punt, 2. Marsa 12-il punt

Ekwipaġġ rebbieħ – Redeemer Rapa, Glenn Zammit, Russell Bugeja, Andre Gauci

It-tielet tellieqa – Kategorija B – Kajjiki

Riżultat – 1. Kalkara 12-il punt, 2. Isla 8 punti, 3. Birżebbuġa 4 punti

Ekwipaġġ rebbieħ – Jean Claude Cassar, Joseph Pace

Ir-raba’ tellieqa – Kategorija A – Frejgatini

Riżultat – 1. Isla 12-il punt, 2. Marsa 8 punti, 3. Kalkara 4 punti

Ekwipaġġ rebbieħ – Clyde Mizzi, Davison Micallef (Giulia Vella – coxwain)

Il-ħames tellieqa – Kategorija B – Tal-Midalji

Riżultat – 1. Bormla 20 punt, 2. Kalkara 12-il punt, 3. Isla 6 punti

Ekwipaġġ rebbieħ – Dusty Cassar, Charvon Gatt, Cleaven Falzon, Yannick Pace

Is-sitt tellieqa – Kategorija A – Tal-Pass ta’ bit-Tnejn

Riżultat – 1. Bormla 20 punt, 2. Birgu 12-il punt, 3. Isla 6 punti

Ekwipaġġ rebbieħ – Clive Casha, Dennis Thornton

Is-seba’ tellieqa – Kategorija B – Frejgatini

Riżultat – 1. Birżebbuġa 12-il punt, 2. Isla 8 punti, 3. Kalkara 4 punti

Ekwipaġġ rebbieħ – Brolin Genovese, Mel Magro

It-tmien tellieqa – Kategorija A – Kajjikki

Riżultat – 1. Isla 12-il punt, 2. Birgu 8 punti, 3. Bormla 4 punti

Ekwipaġġ rebbieħ – Davison Micallef, Andre Gauci

Id-disa’ tellieqa – Kategorija B – Tal-Pass b’Erbgħa

Riżultat – 1. Bormla 24 punt, 2. Birgu 16-il punt, 3. Kalkara 8 punti

Ekwipaġġ rebbieħ – Elton Azzopardi, Charvon Gatt, Clyde Debattista, Yannick Pace

L-għaxar tellieqa – Kategorija A – Tal-Pass b’Erbgħa

Riżultat – 1. Isla 24 punt, 2. Bormla 16-il punt, 3. Marsa 8 punti

Ekwipaġġ rebbieħ – Redeemer Rapa, Glenn Zammit, Russell Bugeja, Andre Gauci

Ir-rebbieħa tar-Regatta tal-31 ta’ Marzu

Bormla       13-il darba

Marsa          11-il darba

Isla              11-il darba

Birgu          4 darbiet

Marsamxett 3 darbiet

Birżebbuġa darbtejn

Ir-rebbieħa tax-Shield fl-aħħar 10 snin

2013           Marsa

2014           Marsa

2015           Birżebbuġa

2016           Bormla

2017           Bormla

2018           Birżebbuġa

2019            Bormla

2020           ma saritx

2021           ma saritx

2022           Bormla

2023            Isla