Lokali

Imfakkra l-festa tal-31 ta’ Marzu

Il-Ġimgħa ġiet imfakkra l-festa tal-31 ta’ Marzu 1979 – il-ġurnata li fiha l-Ingliżi telqu minn pajjiżna għal kollox hekk kif kien intemm il-kuntratt tal-bażi militari Brittannika f’Malta.

Iċ-ċerimonja ta’ tifkira saret il-Ġimgħa filgħodu madwar il-monument fil-Birgu – ċelebrazzjoni li kienet tinkludi parata mill-Forzi Armati ta’ Malta, flimkien mal-banda tal-AFM.

Ritratt: Martin Agius

Għaċ-cerimonja attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż; il-President ta’ Malta George Vella, flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela u l-whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar.

Il-President ta’ Malta George Vella spezzjona il-gwardja tal-unur fejn imbagħad l-għola awtoritajiet ta’ pajjiżna telgħu viċin il-monument fejn poġġew bukketti fjuri.

Fis-snin sebgħin il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dom Mintoff kien ġedded il-kuntratt mal-Ingliżi mill-1974 sal-1979 biex b’hekk Malta kompliet isservi bħala bażi militari. Iżda imbghad, fil-31 ta’ Marzu tal-1979 telqu minn Malta l-aħħar bastimenti Ingliżi. U b’hekk Malta ma kinitx għadha bażi militari.