Internazzjonali

In-NATO: It-Turkija tapprova l-isħubija storika tal-Finlandja

NATO, Turkish, Swedish and Finnish flags are seen in this illustration taken May 18, 2022. REUTERS/Dado Ruvic/Illustration

Il-Finlandja se ssir il-31 Stat-membru tan-NATO wara li l-Parlament tat-Turkija approva l-applikazzjoni ta’ dan il-pajjiż Skandinav biex jissieħeb mal-Alleanza tal-Punent.

Id-deċiżjoni tat-Turkija hi waħda storika wara li Ankara kienet ilha x-xhur tipposponi l-isħubija tal-Finlandja fin-NATO, fost ilmenti li l-Gvern ta’ Helsinki ‘kien qed jagħti sostenn lit-terroristi’. F’dan il-każ, il-Gvern Tork kien qed jirreferi għall-ġellieda Kurdi separatisti mal-grupp PKK li ilhom l-għexieren tas-snin f’konflitt mat-Turkija.

Fil-fatt, għadha ffriżata l-applikazzjoni tal-Iżvezja, pajjiż Skandinav ieħor, għall-isħubija fin-NATO; bil-Gvern fi Stokkolma qed jiffaċċja akkużi simili min-naħa ta’ Ankara.

Kwalunkwe espansjoni tan-NATO teħtieġ l-appoġġ mill-Istati membri kollha  u l-ammissjoni formali tal-Finlandja għandha ssir waqt is-summit li jmiss tal-Alleanza li jsir f’Lulju fil-Litwanja.

Il-Gvern Finlandiż, permezz ta’ stqarrija, sostna li l-isħubija fin-NATO għandha ssaħħaħ sew is-sigurtà tal-Finlandja minbarra li ttejjeb l-istabbilità fir-reġjun. Intant, il-Prim Ministru tal-Finlandja, Sanna Marin, qalet li  pajjiżha anki qed jappoġġja bis-sħiħ l-applikazzjoni tal-Iżvezja biex hi wkoll, ‘il quddiem, tifforma parti mill-Alleanza.

Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan. kien approva l-applikazzjoni tal-Finlandja biex issir membru tan-NATO fl-ewwel jiem ta’ Marzu u fejn hu faħħar ‘il-miżuri awtentiċi u konkreti ta’ dan il-pajjiż b’rispett tas-sigurtà tat-Turkija’.

Madankollu, Erdogan mhux iżomm lura minn atteġġjament ostili fir-rigward tal-Iżvezja, fost l-akkużi kontinwi li dan il-pajjiż ‘qed jilqa’ lill-militanti Kurdi fl-artijiet tiegħu minbarra li qed iħallihom jorganizzaw id-dimostrazzjonijiet (kontra t-Turkija) fit-toroq ta’ Stokkolma.’