Jum id-Duluri beda permezz ta’ quddiesa li saret fil-Knisja ta’ Ġieżu kkonċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna.
Waqt l-omleija, l-Arċisqof qabbel id-dulur tal-Madonna mad-dulur li pajjiżna se jkun qed jara bit-telf ta’ eluf ta’ trabi fil-ġuf jekk tkun approvata l-emenda tal-introduzzjoni tal-abort. Huwa rrefera għal dan il-pass bħala l-ewwel pass għall-introduzzjoni tal-kultura tal-mewt.
Kien għalhekk li appella biex bħala soċjetà nkunu dik li nipproteġu l-ħajja fil-ġuf.
Nitlob il-veru ħelsien ta’ pajjiżna…ħelsien mill-kultura tal-mewt li tiddisprezza l-ħajja fil-bidu tagħha u ma jimpurtahiex mill-mewt fl-aħħar…u kultant lanqas matul il-ħajja.
Inkunu boloh jekk inċedu għall-kultura li t-tarbija fil-ġuf ma nqisuhiex iżjed; li ngħoxew li nqattgħuhom biċċiet lil uliedna – u dan f’isem il-progress.
Nistgħu nagħmlu kemm nagħmlu purċissjonijiet wara d-Duluri…l-għażliet tagħna jridu jkunu ċari favur il-ħajja u kontra l-kultura tal-mewt għax inkella d-devozzjoni tagħna tkun qoxra imma ġewwa kollox imnawwar.
Charles Scicluna staqsa x’inhi l-ġibda lejn Maria Addolorata, umiljata imma siekta, imnikkta u mbikkma ħdejn is-salib ta’ Binha, u li llum għandna naħsbu f’tant ommijiet li bħal Maria, bħalissa huma umiljati, inkwetati u tturufnati minħabba uliedhom. Ulied li huma vittmi innoċenti tad-deċiżjonijiet ta’ ħaddieħor.
Hu appella wkoll biex illum, b’mod speċjali, naħsbu f’dawk l-ommijiet li jibku l-uliedhom mejta fl-Ukraina, fi gwerra bla sens u fakkar kif aħna wkoll, fostna, għandna ommijiet li fis-skiet ta’ darhom jibku l-uliedhom.
L-Arċisqof ħeġġeġ biex nitolbu għal ħutna li ghalkemm m’humiex ommijiet qed jistennew kelma ta’ faraġ, bil-preżenza ta’ xi ħadd, filwaqt li talabna nieħdu ħsieb xulxin..u noqgħodu attenti kif nitkellmu u niktbu fuq xulxin b’mod speċjali fuq il-media soċjali…li xi kultant persuna fit-triq ma ngħidulhiex il-kliem li nużaw fil-messaġġi u fuq il-media. Għandna nużaw kliem ta’mħabba u ta’ rispett…anke’ meta ma naqblux, m’hemmx għalfejn nużaw kliem li jniggeż u jweġġa’.
Charles Scicluna temm l-omelija tiegħu billi appella biex waqt il-purċissjonijiet nitolbu lil Sidtna Maria Addolorata teħlisna mill-pjaga tar-rabja, tal-mibgħeda u tal-għira.
//= $special ?>Jalla dan ikun Jum il-Ħelsien mill-kultura tal-mewt.