Internazzjonali

L-Indja: Traġedja waqt ċerimonja f’tempju tal-Hindu

Mietu talanqas 40 persuna li waqgħu f’qigħ ta’ bir waqt servizz tat-talb li kien qed isir f’tempju tal-Hindu fil-belt ta’ Indore, fl-Istat ta’ Madhya Pradesh. Intant, salvaw numru ta’ nies f’din it-traġedja iżda hemm ukoll xi persuni rappurtati neqsin.

Il-bir jifforma parti mill-kumpless tat-Tempju ta’ Beleshwar Mahadev Jhulelal u t-traġedja seħħet meta numru kbir ta’ nies telgħu fuq il-bokka tal-konkrit, bir-riżultat li din ċediet taħt il-piż. Dan waqt ċerimonja reliġjuża organizzata fl-okkażjoni tal-Festival tal-Hindu magħrufa bħala Ram Navami.

L-awtoritajiet, wara, ikkonfermaw li għexieren ta’ nies kienu waqgħu fil-bir minn għoli ta’ aktar minn 12-il metru — bil-Prim Ministru Indjan Narendra Modi ikun fost l-ewwel Uffiċjali li esprimew il-kondoljanzi lill-qraba tal-vittmi.