Internazzjonali

L-Istati Uniti: Attenta għal skambju ‘ipprojbit’ bejn ir-Russja u l-Korea ta’ Fuq

Ir-Russja tidher li qed tħejji biex tibgħat delegazzjoni lejn il-Korea ta’ Fuq bil-ħsieb li tiffissa ftehim ibbażat fuq skambju ta’ ikel għall-armi.

Dan kien żvelat minn John Kirby, il-kelliem għad-Dipartiment tas-Sigurtà tal-Istati Uniti u li fakkar li kwalunkwe ftehim li jinvolvi l-armi  bejn Moska u Pyongyang għandu jmur kontra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

Il-fatt li r-Russja qed tipprova tikseb l-armi mingħand il-Korea komunista, sadanittant, tindika li Moska tinsab inkwetata dwar it-telf ta’ materjal tal-gwerra waqt il-battalji li għaddejjin bħalissa fl-Ukrajna.

Intant, l-Istati Uniti kemm-il darba akkużat lill-Korea ta’ Fuq b’li qed tissupplixxi l-armi lill-qawwiet Russi li qegħdin jiġġieldu fl-Ukrajna.

Ingħad ukoll li l-grupp tal-merċenarji ‘Wagner’ – l-Armata privata tal-merċenarji alleati mal-President Russu Vladimir Putin – ukoll qed jirċievu l-armi mingħand Pyongyang. bil-kelliema għar-reġim Korean komunista qegħdin jiċħdu dwar dan.

John Kirby qal li r-Russja għandha tagħmel minn kollox biex ‘tipperswadi’ lil Pyongyang ħalli jidħol fl-iskambju. Dan meta  l-Korea ta’ Fuq hi fost l-ifqar pajjiżi fid-dinja u lilha s-snin tbati min-nuqqasijiet tal-ikel akuti.  Intant, l-Istati Uniti qed tissorvelja mill-qrib l-allegata ‘inizjattiva’ minn Moska fost it-tħassib li r-Russja, il-Korea ta’ Fuq, l-Iran, iċ-Ċina u l-Belarus qed jikkonsolidaw il-kooperazzjoni fi ħdan il-grupp ta’ pajjiżi ostili għall-Punent.