Internazzjonali

L-Istati Uniti: Donald Trump se jitressaq il-qorti nhar it-Tlieta…Jgħid li hu ‘imweġġa iżda mhux inkwetat’

Donald Trump qed jinsisti li spiċċa l-vittma ta’ persekuzzjoni politika wara sar l-ewwel eks-President tal-Istati Uniti li se jiffaċċja l-akkużi kriminali. Dan wara li l-prosekuturi fi New York investigaw każ li kien jinvolvi pagament sigriet mingħand Trump lil attriċi fil-qasam tal-pornografija u li seħħ qabel hu kien elett President fl-2016.

L-attriċi, Stormy Daniels, insistiet li hi kellha relazzjoni sigrieta ma’ Trump, li hu miżżewweġ, u li kienet tħallset 130,000 dollaru biex iżżomm fommha siekta.

Filwaqt li l-pagament hu meqjus bħala legali, qed ikun allegat li Trump kien niżżel dan il-ħlas bħala parti mill-ispejjeż relatati man-negozju – u meta l-iffalsifikar tar-rekords dwar negozju hu reat kriminali fl-Istat ta’ New York.

Trump għandu jidher il-qorti nhar it-Tlieta u fejn mistenni li jiddikjara li mhux ħati mill-akkuża.

L-istampa fl-Istati Uniti qalet li Trump, fil-fatt, qed jiffaċċja aktar minn 20 akkuża rigward il-frodi relatati man-negozju iżda dan ma kienx ikkonfermat mill-mezzi uffiċjali. Intant, il-Partit Repubblikan ta’ Trump fisser il-mandat ta’ akkuża bħala ‘ħaġa ta’ mistħija’ għall-Gvern’ waqt li d-Demokratiċi li qed imexxu lill-Istati Uniti qed jinsistu li ‘l-ebda Amerikan mhu akbar mil-liġi’.

L-akbar probabbiltà, fiċ-ċirkustanzi, hu li Donald Trump jeħel multa qawwija iżda hemm ukoll probabbiltà żgħira ħafna li hu jeħel il-ħabs. F’każ li kwalunkwe mill-akkużi kontra Trump jitqiesu bħala ‘serji biżżejjed’, l-eks President kapaċi jeħel massimu ta’ erba’ snin priġunerija.

Min-naħa tiegħu, il-President Amerikan Joe Biden għamilha ċara li hu ‘ma kellu l-ebda kumment x’jagħmel dwar Trump’ meta avviċinawh il-ġurnalisti fil-madwar tal-White House, f’Washington.