Lokali

L-istudenti qed jistennew azzjoni dwar l-iskandli riċenti

“Huwa ta’ inkwiet kbir għall-ħaddiema u l-politiċi tal-futur li hawn daqshekk impunita u korruzzjoni f’pajjiżna.”

Dan intqal mill-KSU fi stqarrija li permezz tagħha tkellmu dwar l-affarijiet serjissimi li seħħew riċentament f’pajjiżna, fosthom ir-rivelazzjoni taċ-chats bejn Yorgen Fenech u Rosianne Cutajar, kif ukoll is-sentenza tal-Qorti dwar il-kuntratt mal-Vitals.

Il-Kunsill Studenti Universitarji stqarr illi l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jeħtieġ li jieħdu azzjoni, għaliex is-sens ta’ impunita fost dawk li jinsabu fil-poter qed tinkwieta lill-istudenti. L-aġir tal-Gvern, tal-Avukat Ġenerali u tal-Pulizjija huwa inaċċettabbli filwaqt li KSU għamel appell sabiex tintrefa’ ir-responsabbilta minn dawk kollha li huma responsabbli.

Rigward is-sentenza tal-Qorti dwar id-deal frawdolenti bejn Steward u l-Gvern huma saħqu li pajjiżna għadu bla tweġiba dwar min se jinżamm responsabbli, filwaqt li ħadd ma jaf x’impatt se jkun hemm fuq il-kwalità u l-aċċessibilita għas-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna.

Fl-istqarrija issemma’ t-tħassib għall-fatt illi wara l-aġir tagħha…. Rosianne Cutajar xorta waħda għadha tagħmel parti mill-Grupp Parlamentari Laburista. Hawnhekk il-KSU saħaq li dawn ir-rivelazzjonijiet juru n-nuqqas ta’ prijorità fl-interess nazzjonali kif ukoll fl-istandards meħtieġa fl-ogħla istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.

Il-KSU sostna li l-Maltin jippretendu aġir ferm aħjar mill-ogħla istituzzjonijiet ta’ pajjiżna filwaqt li għandu jinbagħat messaġġ ċar u tond lil dawk li qed jabbużaw minn dan il-poter.

Fl-aħħar jiem, anke l-Kamra tal-Kummerċ insistiet illi dak li qed iseħħ bħalissa qed jerġa’ jtappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. U għalhekk għandha tittieħed azzjoni immedjata u verament issir ‘tindifa politika’.