Lokali

Sparati tliet tiri lejn Ċikonji Bojod f’attentat li jgerrxuhom u joqtluhom

Persuna jew persuni mhux magħrufa, matul il-lejl li għadda sparaw tliet tiri lejn numru ta’ Ċikonji Bojod li kienu rieqdin fuq torri f’Wied iz-Ziju, limiti ta’ Ħaż-Żabbar u Marsaskala. Dan sar f’attentat biex l-għasafar jitgerrxu u jinqatlu.

Iċ-Ċikonji kienu qed jiġu mħarsa kemm minn membri ta’ Birdlife Malta u anke minn numru ta’ pulizija hekk kif f’dan iż-żmien, dawn l-għasafar kemm-il darba kienu mira ta’ kaċċa llegali. Fil-fatt, bħalissa l-istaġun tal-kaċċa huwa magħluq u l-ebda persuna ma tista’ tispara fuq tajr li jgħaddi minn fuq pajjiżna.

Madwar 47 Ċikonji Bojod waslu fuq Kemmuna fl-aħħar sigħat, b’Birdlife Malta bdiet issegwi l-passi tagħhom filwaqt li talbet l-assistenza tal-Pulizija. Iktar tard, il-grupp ta’ Ċikonji waslu fuq Malta u waqfu biex jistrieħu f’żewġ lokalitajiet differenti.

Kawża tat-tiri li ġew sparati matul il-lejl li għadda wassal biex Birdlife Malta tilfu l-post eżatt ta’ fejn uħud miċ-Ċikonji jinsabu. Żewġ persuni ġew mitkellma mill-pulizija li kien hemm fis-sit hekk kif kien hemm suspett li dawn sparaw lejn iċ-Ċikonji.

It-tiri li ġew sparati saru ftit ħin wara li l-pulizija li kien hemm għassa maċ-Ċikonji f’Wied iz-Ziju telqu mill-post hekk kif kien hemm rapporti li qatgħa ta’ tajr oħra kienet tinsab post ieħor.