Kultura Lokali

22 sena ta’ xandir tal-programm ‘Marċi u Bandalori’ fuq Net FM

Il-programm popolari Marċi u Bandalori, proprju f’dan ix-xahar t’April, qed jagħlaq 22 sena ta’ xandir.

Dan il-programm, preżentat minn Joe Chetcuti, huwa pjattaforma għall-baned li jferrħu mhux ftit lis-semmiegħa – li jvarjaw fl-età kif ukoll fis-sess u fil-kwalità ta’ mużika, li tiġi preżentata kull nhar ta’ Ħadd. 

Dawn il-marċi huma frott is-sagrifiċċji u l-abbilta’ ta’ mijiet ta’ bandisti, kif ukoll mużiċisti u surmastrijiet ta’ fama kbira.

Il-programm Marċi u Bandalori huwa wieħed segwit minn bosta. F’kummenti lil dan is-sit, il-preżentatur Joe Chetcuti qalilna li “huwa ta’ pjaċir  għalija nsir naf li dan jagħti serħan u ferħ lil numru ta’ morda, kemm dawk li jinsabu fi djarhom kif ukoll oħrajn li jinsabu rikoverati fi sptarijiet u fi djar tal-anzjani. Tipi oħra ta’ nies li anke jsegwu dan il-programm, huma dawk li jgħixu weħidhom, u dawk li jbatu mis-solitudni, fejn anke għall-ftit minuti biss qed inkunu ta’ sulliev għalihom.”

Joe Chetcuti qalilna: “Kif naħseb li tafu, id-direzzjoni ta’ dan il-programm, fuq inizjattiva tiegħi personali, tieħu ħsieb ukoll li toħroġ Kalendarju Annwali ta’ dan il-programm ferm popolari ‘Marċi u Bandalori’ li permezz tiegħu hija żżomm kuntatt kemm jista’ jkun mill-qrib mad-diversi ‘sponsors’ li permezz tagħhom jiena nista’ nkompli nxandar b’mod regolari dan il-programm ta’ kull ġimgħa anke għaż-żmien li ġej.  Lil dawn ukoll irrid ngħidilhom grazzi kbira u mill-qalb tas-sostenn ġeneruż u kontinwu tagħhom.”