Futbol Sport

Birkirkara u Hibernians f’wieħed mill-konfronti diretti għal post fl-Ewropa

(Ritratt: Trevor Sollars)

Bil-Kampjonat issa deċiż u b’Ħamrun Spartans inkurunati champions qabel il-waqfa tan-nazzjonal, ħarset id-dilettanti tal-futbol lokali issa ddur fuq il-ġlieda għall-post fil-kompetizzjonijiet Ewropej kif ukoll dik fin-naħa tar-relegazzjoni. Sitt timijiet qed jissieltu għal post fl-Ewropa fejn jekk l-FA Trophy jirbaħa xi ħadd minn Gżira jew Birkirkara ikun hemm post għal tlieta minn dawn is-sitta, filwaqt li f’każ li din il-kompetizzjoni tintrebaħ minn Marsaxlokk jew Mosta, jonqos post ieħor u għalhekk bħalissa wieħed irid jimmira għat-tieni u t-tielet post biex jaċċerta ruħu minn kwalifikazzjoni Ewropea. Bla dubju li l-logħba tal-ġimgħa se tkun dik bejn Brkirkara u Hibernians li tintlagħab il-Ħadd fit-15:00 fl-Istadium Nazzjonali. Min-naħa t’isfel tal-klassifika l-ġlieda hija bejn l-aħħar tlieta, Żebbuġ, Santa Lucia u Pietà, b’dawn tal-aħħar għandhom l-inqas ċans li jilagħbu l-play-off hekk kif jinsabu sitt punti ‘l bogħod meta jonqos erba’ logħbiet.

Birkirkara vs Hibernians | Għada, fit-15:00 fl-Istadium Nazzjonali

Konfront dirett bejn żewġ timijiet li l-għan tagħhom huwa li jilagħbu fl-Europa Conference League, bl-Istripes jaspiraw li jirritoraw fl-Ewropa wara nuqqas ta’ staġun filwaqt li Hibernians ikunu kwalifikaw għall-ħdax-il darba f’dawn l-aħħar tnax-il staġun. Wara li eliminaw liċ-champions Ħamrun mill-FA Trophy, l-Istripes naqqsu milli jirbħu fiż-żewġ partiti ta’ wara fil-kampjonat hekk kif spiċċaw fi draw identiku ta’ 1-1 kontra Marsaxlokk u Mosta rispettivament. Dan kien ċans mitluf għal Birkirkara biex jitilgħu it-tieni weħidhom wara li Gżira tilfu l-aħħar żewġ konfronti. Huma jinsabu fit-tielet post b’41 punt, tnejn fuq l-avversarji Hibernians u wieħed taħt it-tim ta’ fuqhom Gżira United. Min-naħa l-oħra Hibernians ġew maħsuda minn Marsaxlokk fl-aħħar konfront bit-tim immexxi minn Silvio Vella wkoll jitlef iċ-ċans li jitla fit-tieni post bl-isteess punti daqs il-Maroons. Huma jinsabu fil-ħames post b’39 punt, punt taħt it-tim ta’ fuqhom Balzan. L-ewwel konfront bejn dawn it-tnejn spiċċa fi draw ta’ 1-1.

Gudja United vs Sirens | Illum, fis-14:00 fit-Tony Bezzina Stadium

Konfront bejn żewġ timijiet li jinsabu fuq xulxin fin-naħa t’isfel tal-klassifika iżda mhux f’periklu ta’ relegazzjoni hekk kif Gudja huma salvi bi 28 punt filwaqt li Sirens jonqoshom biss punt minn erba’ logħbiet biex ikunu kkonfermati mal-kbar tal-futbol Malti. Logħba li ftit fiha storja u interess. Fl-ewwel round kienu Sirens li ħadu tliet punt b’rebħa ta’ 2-0 b’doppjetta ta’ Kei Sano.

Gżira United vs Mosta | Illum, fis-14:00 fl-Istadium Nazzjonali

Logħba oħra li għandha tkun interessanti hija dik bejn Gżira u Mosta, żewġ timijiet oħra li qed jiġġieldu għal post fl-Ewropa. Gżira għalkemm jibdew xi ftit favoriti f’dan il-konfront, se jkunu ġejjin minn żewġ telfiet kontra Valletta u Ħamrun Spartans rispettivament u fil-kampjonat tilfu xi ftit il-forma hekk kif għal dawn l-aħħar tliet logħbiet naqqsu milli jirbħu. Minkejja li jinsabu fit-tieni post, il-Maroons ma jistgħux ikompli jwaqqgħu punti hekk kif id-distakk bejnhom u bejn it-tim tal-ħames post Hibernians huwa biss ta’ tliet punti u meta fadal erba’ logħbiet għal tmiem il-kampjonat, kollox jista jiġri. Mosta min-naħa l-oħra jinsabu fis-sitt post b’37 punt u tliet punti taħt Balzan li jinsabu r-raba’. Bħal Gżira, Mosta wkoll ilhom ma jirbħu tliet logħbiet fil-kampjonat u bla dubju li tliet punti biss jisgħu jżommu t-tamiet ħajjin tal-Mostin li jikkompetu fl-Ewropa għat-tieni darba fl-istorja. Mosta se jkollhom nieqsin mill-formazzjoni lil Jacob Akrong u Rodiguez Ekani li jinsabu sospiżi. Lura f’Novembru, Gżira rebħu l-ewwel konfront bejn it-tnejn bl-iskor ta’ 2-0 b’gowls tas-soliti Maxuell Maia u Jefferson De Assis.

Balzan vs Ħamrun Spartans | Illum, fl-16:15 fl-Istadium Nazzjonali

Balzan ukoll b’ċans li jidħlu fl-Ewropa, se jkunu qed jaffrontaw liċ-champions il-ġodda tal-futbol Malti Ħamrun Spartan,s f’partita li Ħamrun mistennija jilagħbu plejers li forsi ma kienux regolari matul l-istaġun. Balzan jinsabu r-raba’ b’40 punt u bħat-timijiet l-oħra f’din il-parti tal-klassifika, dawn l-aħħar erba’ partiti huma kollha finali. Minbarra din il-partita, Balzan għandhom kalendarju diffiċli fl-aħħar partiti tal-kampjonat hekk kif iridu jilagħbu tliet konfronti diretti kontra Mosta, Gżira u Birkirkara. L-istaġun ta’ Ħamrun Spartans issa huwa mitmum, bit-tim immexxi minn Branko Nisevic fl-aħħar partita jsir champion għad-disa’ darba fl-istorja. Bla dubju li Ħamrun xorta waħda se jkunu qed jagħmlu minn kollox biex f’dawn l-aħħar erba’ logħbiet jagħtu wirja ta’ champions sabiex  jispiċċaw dan l-istaġun kif bdewħ.

Żebbuġ Rangers vs Valletta | Illum, fl-16:15 fit-Tony Bezzina Stadium

Fil-parti t’isfel tal-kampjonat u allura f’dik li hi l-ġlieda kontra r-relegazzjoni, Żebbuġ Rangers, li bħalissa jinsabu fit-13-il post, pożizzjoni li min jispiċċa fiha jilgħab play-off mat-tim li jispiċċa t-tielet fiċ-Challenge League, se jkun qed jaffronta lil Valletta, li jinsabu f’nofs il-klassifika u prattikament mingħajr skop ħlief li jispiċċaw staġun li kien wieħed diffiċli, fuq nota pożittiva. Żebbuġ ta’ Brian Spiteri, għandhom bżonn prestazzjoni mill-aqwa u tliet punti minn din il-partita hekk kif imbagħad fl-aħħar tliet logħbiet iridu jaffaċjaw tliet avversarji iebsin, Ħamrun Spartans, Mosta u Gżira United.

Marsaxlokk vs Pietà Hotspurs | Għada, fil-11:30 fis-Centenary Stadium

B’rebħa minn dan il-konfront, Marsaxlokk jikkonfermaw posthom mal-kbar fl-ewwel staġun minn meta ġew promossi lura fil-Kampjonat Premier. Ix-Xlukkajri jinsabu fil-forma tant li fl-aħħar żewġ logħbiet ġew draw ta’ 1-1 kontra Birkirkara filwaqt li għelbu b’mod konvinċenti lil Hibernians 3-1. Mill-banda l-oħra l-avversarji Pietà Hotspurs ankrati fl-aħħar post tal-klassifika, kull ma jmur qed joqorbu lejn relegazzjoni u għalkemm fl-aħħar ħarġa għelbu lil Gudja United, realistikament xorta waħda huwa diffiċli, għalkemm mhux impossibli, li l-Hotspurs tal-inqas jispiċċaw fil-pożizzjoni play-off anke minħabba tnejn mill-avversarji li fadlilhom minbarra Marsaxlokk huma Hibernians u Birkirkara. Fl-ewwel round dan il-konfront spiċċa fi draw ta’ 1-1.

Santa Lucia vs Floriana | Għada, fit-15:00 fit-Tony Bezzina Stadium

Bl-istess għanijiet bħal Żebbuġ u Pietà Hotspurs, Santa Lucia jilagħbu kontra tim ieħor li ma fadalu xejn għalxiex jilgħab, Floriana li jinsabu bl-istess punti daqs Valletta f’nofs il-klassifika.  Is-Saints sofrew telfa ta’ 2-1 kontra Sirens fl-aħħar ħarġa tagħhom u bħalma rebħa tista tpoġġihom b’punti daqs Żebbuġ, telfa tista tkun ta’ daqqa ta’ ħarta għall-iskwarda mmexxija minn Enzo Potenza. Floriana kif għedna, ftit għandhom għalxiex jilgħabu hekk kif kwalifikazzjoni għall-Ewropa hija kważi impossibli meta hemm 10 punti distakk mir-raba’ post. Fl-aħħar logħba Floriana ħadu ftit tan-nifs meta rebħu lil Żebbuġ wara li fil-kampjonat kienu ilhom ma jirbħu sitt logħbiet. Floriana fl-ewwel round għelbu lil Santa Lucia 1-0 b’gowl minn penalty ta’ Oualid El Hasni.