Lokali

Erba’ eks Deputati Laburisti daħħlu miljun ewro f’konsulenzi

Informazzjoni żvelata fil-Parlament tikkonferma li erba’ eks deputati Laburisti qed jieħdu bejniethom aktar minn miljun ewro f’konsulenzi – turija ċara tal-mod illi bih tal-qalba qed “jitħanżru”, kif iddikjarat id-deputat Rosianne Cutajar.

Wara ċ-chats bejn il-Membru Parlamentari Laburista u n-negozjant Yorgen Fenech illi ġew ippubblikati aktar minn ġimgħa ilu l-poplu għadu bla risposta għal min kienet qed tirreferi eżatt Rosianne Cutajar meta qalet li kulħadd jitħanżer.

Iżda kollox jibda jieħu kuntest meta wieħed jara kemm daħħlu fil-but dawn l-eks deputati Laburisti – li huma biss parti żgħira mill-istampa kollha li għada trid tiġi żvelata.

L-informazzjoni ħarġet minn mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut fil-jiem li għaddew, fejn sar magħruf li erba’ eks deputati Laburisti – li ma kinux eletti jew inkellha irriżenjaw mill-Parlament – ħadu bejniethom ‘il fuq minn miljun ewro f’konsulenzi jew pagi minn fuq dahar il-ħaddiem Malti li jħallas it-taxxa.

Jidher li l-aktar li gawda mill-pakketti finanzjarji approvati mill-Gvern kien Gavin Gulia, li daħħal €388,000 f’perjodu ta’ ħames snin. Immedjatament warajh Luciano Busuttil b’total ta’ €350,000 minn tmien ministeri.

Warajh hemm l-eks deputat Silvio Grixti b’€234,640 minn ħames ministeri differenti u kważi €60,000 għal Etienne Grech bejn l-2020 u l-2022; b’analisti politiċi jgħidulna li dan kien speċi ta’ “rigal” talli ċeda postu fil-Parlament biex is-siġġu tiegħu ħadu l-ħabib ta’ Robert Abela, Clyde Caruana, li illum huwa l-Ministru tal-Finanzi – l-istess Ministru li riċentament fil-Parlament qal li hemm bżonn li nissikkaw iċ-ċintorin.