Internazzjonali Knisja

Bit-tbissima fuq fommu: “Għadni ħaj” – il-Papa Franġisku joħroġ mill-isptar

Il-Kap tal-Knisja Kattolika ħareġ mill-isptar u rnexxielu jsib ftit ħin ikellem lill-ġurnalisti u jirringrazzja lill-poplu Nisrani għat-talb biex hu jfieq

Bit-tbissima sinonima mal-Papa Franġisku, il-Kap tal-Knisja Kattolika wieġeb lill-ġurnalista tar-Rai li jinsab ħaj, irringrazzja lil dawk kollha li ħasbu fih fl-aħħar jiem u mill-ġdid talab biex l-insara jitolbu għalih.

Barra l-isptar Gemelli l-Papa Franġisku wieġeb numru ta’ domandi tal-ġurnalisti u kif ukoll bierek lil uħud li kienu preżenti

Il-Ġimgħa, għalkemm kien għadu rikoverat l-isptar, il-Papa żar id-Dipartment tal-Onkoloġija tat-tfal, fejn għammed tifel bl-isem ta’ Miguel Angel.

It-tfal rikoverati f’din is-sala qed jingħataw kura mill-marda tal-kanċer. Tul iż-żjara tiegħu, il-Papa qassam diversi rigali fosthom kuruni tar-rużarju u bajd tal-Għid.

Fl-aħħar sigħat il-kundizzjoni tal-Papa Franġisku kompliet taqleb għall-aħjar wara li hu kellu jqatta’ l-aħħar ġranet fl-isptar Gemelli fejn kien trattat għall-effetti ta’ bronkite. Intant, id-direttur tal-Komunikazzjoni tal-Vatikan Matteo Bruni kkonferma li l-Papa mistenni lura fis-Santa Sede għaċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm.