Lokali

“Il-qrubija tal-politiċi man-negozjanti hija ta’ periklu kbir għad-demokrazija” – ADPD

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem il-Parlament l-ADPD saħqu li l-qrubija tal-politiċi man-negozjanti hija ta’ periklu kbir għad-demokrazija.

Waqt din il-konferenza huma qalu li meta ġew ippubblikati iċ-chats bejn id-Deputat tal-Partit Laburista Rosianne Cutajar u n-negozjant Yorgen Fenech ħareġ biċ-ċar il-qrubija li jgawdu xi imprendutiri ma’ uħud mill-politiċi. Yorgen Fenech kien qrib ukoll tal-ex Prim Ministru Jospeh Muscat kif ukoll l-eks Chief of Staff Keith Schembri.

L-ADPD qalu li dejjem insistew li l-Membri Parlamentari għandhom ikunu full time, mhux biss biex jaqdu aħjar dmirijiethom imma wkoll biex jinqata’ jew jitnaqqas il-kuntatt kontinwu mad-dinja tan-negozju.

Barra minn hekk huma saħqu li hawn ħafna li l-politika minflok bħala servizz jarawha bħala mezz biex jitħanżru. Hawnhekk l-ADPD insistew li lil dawn it-tip ta’ nies jeħtieġ li niqfulhom.

Waqt il-konferenza l-ADPD qalu li huma talbu lill-Awditur Ġenerali sabiex jinvestiga fuq liema kriterji l-Kap Eżekuttiv tal-ITS ta kuntratt lil Rosianne Cutajar. Dan għaliex il-Gvern ma sabx flus għal pagi diċenti għall-infermiera, l-għalliema u mpjegati oħra imma biex il-Membri Parlamentari jitħanżru l-flus jinstabu.