Ftit tal-ħin ilu għadha kemm tħabbret il-mewt tat-Tabib Mario Rizzo Naudi. Mario Rizzo Naudi kellu 70 sena fejn għal numru kbir ta’ snin serva fil-professjoni ta’ tabib, fejn b’għemilu permezz tal-professjoni medika tiegħu kontinwament resaq viċin in-nies.
Membri tal-familja spjegaw li matul l-aħħar jiem it-Tabib Rizzo Naudi kellu bżonn jidħol l-Istpar wara li waqa’, fejn il-lelj li għadda kellu jagħmel intervent mediku urġenti.
Huwa twieled fil-5 ta’ Ġunju tal-1952 fl-Imsida, iben Anton u Maria. Mario Rizzo Naudi kien miżżewweġ lil martu Doriette u kellhom żewġt ulied, Karl u Julian.
Beda l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola ta’ Santa Katarina f’Tas-Sliema, għas-snin tas-sekondarja attenda l-kulleġġ ta’ San Alwiġi u wara kompla l-istudji tiegħu fil-Junior College u wara beda jistudja għal tabib fl-Università ta’ Malta. Huwa gradwa bħala tabib fl-1982 fejn biex jagħmel dan fost l-oħrajn studja wkoll fl-Ungerija.
Kien elett bħala Kunsillier Indipendenti f’Ħal Għaxaq fit-22 ta’ Jannar tal-1994. Kien elett ukoll mill-ġdid bħala Kunsillier fit-8 ta’ Marzu tal-1997.
Fost l-unuri li ngħata fl-2005 ingħata rikonoxximent mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq għall-ħidma li wettaq bħala Kunsillier fi ħdan l-istess Kunsill.
Fl-2019 huwa ingħata Ġieħ Ħal Għaxaq.
Fl-1998 kien elett bħala membri fi ħdan l-APAN, fejn kompla jservi f’din il-fergħa tal-Partit Nazzjonalista sal-2018, fejn temm il-mixja tiegħu bħala President ta’ din il-fergħa.
Matul dawn is-snin huwa kien ukoll kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista fuq it-3 u l-5 Distrett.
F’post fuq il-media soċjali, il-Kap tal-PN Bernard Grech sellem il-memorja ta’ Mario Rizzo Naudi fejn iddeskrivih bħala bniedem ġenwin u ħabib li ta kollox fil-professjoni bħala tabib, fil-politika u kull darba li kkontribwixxa fil-media.
Bernard Grech kiteb li minn dejjem ammira s-sens altruist tiegħu. “Anke f’dan il-mument minkejja li kellu x’jinkwetah u xi jħassbu, flok ħalla lili ngħamillu kuraġġ, hu għamlu lili. Tlifna ġentlom, raġel sew, ħabib u tabib li kien jimxi qalbu f’idu.”
It-tfal tiegħu, Julian u Karl Rizzo Naudi kitbu li l-vojt li ħalla warajh missierhom ma jista’ jimlih ħadd hekk kif in-nuqqas tiegħu żgur li se jinħass min-neputijiet li tant kien iħobb.
Il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Media.link Communicastions issellem il-mermorja tat-Tabib Mario Rizzo Naudi filwaqt li tagħti l-kondoljanzi lill-familja tiegħu.
//= $special ?>