Lokali

Iweġġa’ gravi wara li nqaleb bil-mutur fin-Naxxar

Raġel ta’ 41 sena residenti Birkirkara weġġa’ gravi wara li nqaleb bil-mutur fin-Naxxar.

L-inċident seħħ il-Ġimgħa filgħaxija għall-ħabta tal-5:30 fi Triq is-Salina, in-Naxxar.

Il-Pulizija marret fil-post u mill-ewwel investigazzjonijiet li saru rriżulta li għal xi raġuni r-raġel tilef il-kontroll tal-mutur li kien qed isuq u nqaleb.

Tim mediku mar fuq il-post sabiex jassisti filwaqt li ambulanza ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.

Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.