Futbol Sport

Kampjonat tal-Veterani: MFPA pass bogħod mir-rebħ tal-kampjonat

It-tim tal-MFPA jinsabu ferm viċin li jirbħu l-VMFA Hyundai Premier League meta fl-isfida diretta għelbu lir-rivali Żejtun Red Stars 4-3.  

Kienet logħba ferm bilanċjata u kumbattuta biż-Żwieten li minkejja kollox, lagħbu logħba tajba ħafna iżda sabu lill-avversarji tagħhom ferm motivati sabiex jirbħu din il-logħba u eventwalment iżidu l-vantaġġ tagħhom f’ras il-klassifika. Fil-fatt b’din ir-rebħa, il-Malta Football Players Association fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti fil-klassifika u b’hekk għamlu pass lejn ir-rebħ tal-unuri.  

L-eks internazzjonali Malti, Michael Mifsud kien l-eroj għal MFPA hekk kif skorja doppjetta filwaqt li Branko Nisevic u Stefano De Angelis żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.  

Żejtun baqgħu fil-logħba b’gowls ta’ George Frendo, Gilbert Camilleri Lowell u Tyron Borg. 

Referee: Jean Pierre Mifsud. 

B’dan ir-riżultat approfittaw Gżira United li qabżu fit-tieni post tal-klassifika hekk kif għelbu lil Birkirkara St Helen’s 9-1.

Kienet logħba fejn il-Maroons iddominaw mill-bidu sal-aħħar u minkejja l-isforzi tal-Karkariżi, l-avversarji tagħhom kienu ferm b’saħħithom fil-ġurnata. 

Alex Muscat spikka fost il-Maroons wara li skorja xejn inqas minn sitt gowls b’Alistair Dalli, Jonathan Pearson u Trevor Cilia jgħaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.  

Andy Portelli skorja l-uniku gowl għal Birkirkara St Helen’s.  

Referee: Jean Pierre Mifsud. 

KLASSIFIKA – VMFA Hyundai Premier League 

MFPA 28, Gżira United 21, Żejtun Red Stars 20, Rabat Veterans 17, Birkirkara St Helen’s 16, Pieta’ Hotspurs 13, Luxol St Andrews 8, Żurrieq Wolves 3.