Futbol Sport

Mosta jagħtu t-tielet telfa konsekuttiva lil Gżira u jkomplu jissieltu għal post fl-Ewropa

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Rowen Camilleri

GŻIRA U……..1

MOSTA……….2

Gżira U: D. Zarkov (D. Cassar 64’), G. Bohrer, L. Tabone (Z. Scerri 84’), S. Pisani (J. Mendoza 84’),  M. Dias, L. Riancos, T. Kolega, M. Cosic, J. De Assis, N. Muscat (M. Maia 64’) (B. Borg 77’), E.Silva

Mosta: I. Akpan, R. Briffa (G. Eziefula 67’), P. Tenebe, D. Bonnici (W. Legualt 89’), C. Failla, B. Diarra, T. Farrugia, S. Kingue (G. Sciberras 67’), J. Vassallo, Z. Brincat (I. Feargod 80’), C. Ememe

Imwissija: N. Muscat 31’, G. Bohrer 60’, L. Riascos 90+3’)(G), P. Tenebe 52’, D. Bonnici 70’, G. Sciberras 74’, G. Eziefula 85’ (M)

Skorja: M. Dias 10’ (G), C. Failla 16’, Z. Brincat 79’ (M)

Referee: S. Petrovic

Assistenti Referees: Roberto Vella u Duncan Spencer

BOV Plejer tal-logħba: Steve Pisani (Gżira United)

Il-Mument Plejer tal-logħba: Duane Bonnici (Mosta)

Mosta telgħu parzjalment fir-raba’ post u għalhekk baqgħu jissieltu għal post fl-Ewropa meta f’partita mill-isbaħ u li setgħet marret kull naħa, kienu huma li ħadu tliet punti b’rebħa ta’ 2-1 konra Gżira United. Kienet logħba li kellha intensità għolja bil-ballun tiela u nieżel u b’bosta azzjonijiet lejn il-lasti taż-żewġ goalkeepers rispettivi.

Gżira United marru fil-vantaġġ wara għaxar minuti meta Marcelo Dias għadda lejn Jefferson De Assis li bit-takkuna rritorna lejn Dias li aprofitta minn inċertezza bejn Tyron Farrugia u Ini Akpan u xeħet fir-rokna tax-xibka.

Mosta kisbu d-draw fis-16-il minuta minn free-kick dirett mogħti minn Clayton Failla li għakemm kien b’saħħtu deher li kien se jilqa’ faċilment Zarkov iżda l-ballun ħarab minn idejn il-goalkeeper tal-Maroons u baqa’ dieħel fix-xibka.

Żewġ minuti wara Jefferson De Assis irċieva ballun fit-tul fil-kaxxa u rnexxielu jikkonkludi wara Akpan, iżda bil-ballun jaħbat mal-wieqfa u deher se jaqbeż il-linja kien Tyrone Farrugia li patta għall-iżball tal-gowl u tajjar fl-aħħar ħin biex evita li t-tim tiegħu jerġa’ jmur minn taħt.

Fil-35 minuta Ewertton bi kross mix-xellug li sab lil De Assis li bir-ras impenja lil Akpan li iżda laqa’ tajjeb.

Mosta min-naħa l-oħra b’reazzjoni meta kien Diarra li qabad ballun minn tliet kwarti ta’ ground u baqa’ dieħel biħ fil-kaxxa iżda l-konklużjoni tiegħu tkun fjakka u għaddiet barra.

Ewertton jerġa jibda azzjoni għal Gżira meta fl-40 minuta tefa’ kross fil-baxx li sab lil Steve Pisani li min-naħa tiegħu prova mill-ewwel u Ini Akpan wettaq save tajjeb u dawwar f’korner.

Din kienet l-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima biż-żewġ timijiet jidħlu jistrieħu fi draw ta’ 1-1.

L-ewwel azzjoni fit-tieni taqsima waslet minn Gżira fis-47 minuta meta Steve Pisani tefa’ kross fil-kaxxa lejn Toni Kolega li iżda x-xutt mill-ewwel tiegħu għadda għoli.

Fis-66 minuta Kolega għadda lejn De Assis li mill-viċin tefa’ barra biex minuta wara s-sostitut Maxuell Maia b’mod akrobatiku jipprova jaħsad lil Akpan iżda l-ballun għadda ftit barra.

Mosta marru viċin fis-77 minuta bil-kross ta’ Duane Bonnici jasal għand Zachary Brincat li d-daqqa ta’ ras tiegħu tkun imdawwra f’korner minn Cassar.

Mill-istess korner l-istess Zachary Brincat poġġa lill-Mostin minn fuq b’daqqa ta’ ras oħra li din id-darba għelbet lil Cassar wara kross ta’ Christ Ememe.

Minkejja l-isforzi tal-Maroons, Mosta għarfu jiddefendu tajjeb il-ġowl vantaġġ sa tmiem il-partita biex kienu huma li ħadu tliet punti imposrtanti ħafna fil-ġlieda għal post f’kompetizzjoni Ewropea.

Il-gowl ta’ Gżira United skorjat minn Marcelo Dias (Ritratt: Josef Fitzpatrick)
Il-goalkeeper ta’ Gżira Darija Zarkov jaħrablu l-ballun minn idu wara xutt minn Clayton Failla li kieb id-draw għal Mosta (Ritratt: Josef Fitzpatrick)