Futbol Sport

Premier League Ingliż: Chelsea jiddiżappuntaw f’darhom ma’ Aston Villa

Il-manager ta’ Chelsea, Graham Potter, jinsab mill-ġdid taħt pressjoni wara li l-Blues ġarrbu telfa oħra – din id-darba f’darhom (0-2) kontra Aston Villa.

It-telfa tfisser li Chelsea issa qegħdin jokkupaw il-ħdax il-post fil-klassifika wara 28 logħba u meta qabżuhom l-istess Villains li, b’din ir-rebħa, telgħu fid-disa’ post tal-Premier League b’żewġ punti aktar mill-Blues.

Il-logħba fi Stamford Bridge bdiet għat-telgħa għal Chelsea li sabu ruħhom minn taħt wara 18-il minuta. Dan meta l-prolifiku Ollie Watkins approfitta mill-backpass qasir bir-ras ta’ Marc Cucurella u fejn ma kellux diffikultà biex jixħet fix-xibka ta’ Kepa.

Chelsea bdew jagħfsu għad-dro u ħlew diversi okkażjonijiet sakemm Villa rduppjaw mill-captain John McGinn (56)  li reġa’ sab ix-xibka b’xutt bomba minn tarf il-kaxxa.

Ir-rebħa kienet il-ħames waħda ‘away’ għal Villa mindu Unai Emery laħaq manager minflok Steven Gerrard u meta huma, issa, kisbu 16-il punt mill-konfronti barra minn darhom fil-league minn Ottubru ‘il hawn.