Futbol Sport

Premier League Ingliż: Rebħiet kbar identiċi għal Man City u Arsenal…bit-taqtigħa tkompli

Iċ-Champions Ingliżi Manchester City u Arsenal, il-liders tal-Premier League, komplew jissieltu għal supremazija fl-ogħla diviżjoni Ingliża u fejn huma kisbu rebħiet kbar identiċi – 4-1 – għall-ispejjeż ta’ Liverpool u Leeds United, rispettivament.

B’hekk, Arsenal żammew il-vantaġġ ta’ tmien punti fuq City iżda l-Gunners lagħbu logħba aktar mit-tim ta’ Pep Guardiola, u biż-żewġ tims għad iridu jikkonfrontaw lil xulxin fl-Etihad Stadium, fis-26 ta’ April.

City niżlu għall-konfront ma’ Liverpool mingħajr is-strikers regolari Erling Haaland ( li skorja 42 gowl f’dan l-istaġun) u Phil Foden, b’Liverpool – li qed jiddiżappuntaw bis-sħiħ f’dan l-istaġun – imorru fil-vantaġġ kontra x-xejra tal-logħob meta Mo Salah (17) sab ir-rokna tax-xibka fuq kontra-attakk mibdi minn Diogo Jota.

Iżda minn dak il-ħin, Liverpool sparixxew mil-logħba, bis-Citizens jagħmlu prattikament dak li riedu wara li huma kisbu d-dro minn Julian Alvarez (27) li kkonkluda mill-viċin fuq l-assist ta’ Jack Grealish – bla dubju, il-plejer tal-logħba.

Intant, City ħallew kollox għat-tieni 45 minuta u fejn huma marru fil-vantaġġ fl-ewwel minuta tat-tieni taqsima b’gowl ‘carbon-copy’ bħal ta’ qablu. Dan meta Alvarez ħarab fuq il-lemin u għadda kross fil-baxx lejn Kevin de Bruyne li mill-ġdid ma żbaljax minn quddiem il-gowlkiper Alisson.

Il-gowl hekk kmieni fit-taqsima demoralizza lil Liverpool li sabu ruħhom 3-1 minn taħt meta Ilkay Gundogan (53) spara ġewwa wara taħwida quddiem il-lasta tar-Reds. Minn dak il-ħin, City bdew idawwru l-ballun mingħajr affann u kwarta mit-tmiem Grealish skorja l-gowl li kien jistħoqqlu fuq suġġeriment ta’ de Bruyne għall-4-1 finali u għal riżultat li jikkomplika l-isforzi tar-Reds biex jispiċċaw fit-Top 4 tal-kampjonat.

Tweġiba perfetta mill-Gunners…

Ftit tas-sigħat wara, Arsenal irreplikaw ir-rebħa 4-1 ta’ City b’wirja impekkabbli kontra Leeds United fl-Emirates Stadium.

Leeds bdew il-logħba fuq nota tajba iżda fil-35 minuta Arsenal rebħu penalty għall-fawl ta’ Ayling fuq Gabriel Jesus – bl-attakkant Brażiljan ma jiżbaljax mill-ħdax il-metru għall-ewwel gowl tiegħu fil-kampjonat minn Ottubru.

Kmieni fit-tieni taqsima, Arsenal irduppjaw mid-difensur Ben White (47) li daħal għall-kross fil-baxx ta’ Martinelli. L-iskor sar 3-0 fil-55 minuta meta Gabriel Jesus wera opportuniżmu kbir fuq l-assist ta’ Leandro Trossard.

Rasmus Kristensen (76) imbagħad naqqas il-vantaġġ tal-Gunners bix-xutt tiegħu jaħbat mal-plejer ta’ Arsenal Zinchenko qabel spiċċa fix-xibka, iżda fl-84 minuta, Granit Xhaka irristawra l-vantaġġ ta’ tliet gowls għal Arsenal meta skorja bir-ras għall-4-1 finali u fuq xogħol tajjeb minn Martin Odegaard.

Bournemouth għelbu lil Fulham 2-1 fil-Vitality Stadium u għal riżultat li tellagħhom ‘il fuq miz-zona l-ħamra tal-klassifika.

Din kienet it-tielet rebħa għaċ-Cherries minn Novembru u huma sabu ruħhom minn taħt meta Andreas Pereira żmarka ruħu u xeħet ġewwa wara biss 16-il minuta. Intant il-logħba daret kompletament fit-tieni taqsima, b’Marcus Tavernier (50) ivenven ġmiel ta’ xutt mill-bogħod li spiċċa fl-angolu tax-xibka, bl-aħħar kelma tkun ta’ Dominic Solanke li fis-79 minuta, irreaġixxa għal rebound biex jiskorja l-gowl li sewa tliet punti importanti għat-tim tiegħu.

Brighton and Hove Albion spiċċaw fi dro, 3-3, f’logħba mill-aktar kumbattuta fl-Amex Stadium u meta s-Seagulls kellhom jirkupraw l-iżvantaġġ għal tliet darbiet tul id-90 minuta. Il-Bees fetħu l-iskor minn Pontus Jansson (10), bi Brighton iwieġbu għaxar minuti wara minn Mitoma għall-1-1 u sakemm Ivan Toney reġa’ poġġa lil Brentford fil-vantaġġ, 90 sekonda biss wara l-gowl tal-Ġappuniż.

Sitt minuti wara kien imiss lil Danny Welbeck li jikseb parità għas-Seagulls iżda fit-tieni taqsima Brentford skurjaw it-tielet gowl tagħhom minn Ethan Pinnock (49) – bil-midfielder Arġentin Alexis MacAllister (90) isalva punt għal Brighton permezz ta’ penalty li ngħata għall-‘hands’ ta’ Hickey fil-kaxxa.

Rebħa rari għall-Eagles

Crystal Palace kisbu l-ewwel rebħa fil-league mill-bidu tas-sena għall-ispejjeż ta’ Leicester City u ta’ dan huma jridu jirringrazzjaw lil Jean-Philippe Mateta li skorja l-gowl deċiżiv sekondi biss qabel it-tisfira finali.

Palace kienu dominanti għal ħafna ħinijiet iżda mill-ġdid kellhom ‘finishing’ żbaljat, b’Leicester jieħdu vantaġġ minn dan biex jiskurjaw il-gowl tal-ftuh mid-difensur Ricardo Pereira wara li rċieva mingħand Castagne.

Il-gowl ma qatax qalb il-plejers ta’ Palace u huma kisbu d-dro meta, mill-freekick stupend ta’ Eberechi Eze, il-ballun ħabat mal-mimduda u ma’ dahar il-gowlkiper Iversen qabel spiċċa fix-xibka.

U proprju meta kien qed jidher li l-logħba kellha tispiċċa fi dro, wasal il-mument ta’ Mateta li, wara li rċieva mingħand Ayew, dar fil-kaxxa u għeleb għat-tieni darba lil Iversen. Leicester, fil-preżent, jinsabu f’inkwiet serju u jistgħu jispiċċaw it-tieni mill-aħħar jekk kemm-il darba West Ham United jirbħu l-konfront tallum ma’ Southampton fil-London Stadium.

Logħba oħra kumbattuta lejn in-naħa t’isfel tal-Premier League intlagħbet fis-City Ground bejn Nottingham Forest u Wolves, u li spiċċat 1-1 għal riżultat li ma jissodisfa lill-ebda tim.

It-Tricky Trees marru fil-vantaġġ meta l-attakkant ta’ Wales, Brennan Johnson (38) skorja minn angolu diffiċli u bil-ballun jiżgiċċa lill-gowlkiper Jose Sa. Iżda Wolves salvaw punt seba’ minuti mit-tmiem grazzi għal Daniel Podence li skorja s-sitt gowl tiegħu tal-istaġun meta sab ix-xibka ta’ Keylor Navas b’xutt bid-dawwra.