Din il-ġimgħa sar l-iffirmar ta’ ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Knisja Arċipretali tas-Siġġiewi sabiex isir xogħol ta’ restawr fuq iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali ta’ San Nikola, fis-Siġġiewi.
Il-pjazza tas-Siġġiewi fl-aħħar snin kisbet popolarità bl-attivitajiet li jiġu organizzati f’avvenimenti kulturali u reliġjużi, b’mod partikolari matul il-Ġimgħa Mqaddsa. Għaldaqstant, dan il-proġett se jitgawda mhux biss mil-komunità tas-Siġġiewi iżda mill-ħafna Maltin u turisti li jżuru dan ir-raħal Malti.
Ix-xogħol ta’ restawr li se jkun ikkordinat mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi se jibda billi jinqala l-madum tas-siment eżistenti u jitneħħa l-materjal ta’ taħt il-madum, titqiegħed ukoll sodda tal-konkos bil-bini ta’ pedamenti tal-konkos u tal-ġebel tal-franka taħt it-turġien u t-tqegħid ta’ pavimentar ġdid bil-ġebla Pietra di Modica. Finalment, se jkunu qed isiru wkoll żewġ pedestalli biex jintużaw għad-dawl ornamentali bil-materjal tal-istess ġebla.
Għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm preżenti l-Arċipriet Fr Joe Mifsud, is-Segretarju Permanenti u uffiċjali għolja mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kurja u rappreżentanti tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.
//= $special ?>