Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lill-fundatur ta’ Hal Mann Nazzareno Vella

Ritratt: Matthew Tabone

Is-Sibt waranofinhar kienu bosta dawk li nġabru fil-Knisja ta’ Santa Marija Assunta fl-Imġarr sabiex isellmu għall-aħħar darba lill-fundatur ta’ Hal Mann Nazzareno Vella li miet fit-28 ta’ Marzu li għadda fl-età ta’ 89 sena.

Ritratt: Matthew Tabone

Waqt l-omelija ntqal li matul ħajtu Nazzareno qatt ma traskura l-valuri reliġjużi tiegħu u dejjem kien juża ħinu tajjeb kif ukoll b’mod għaqli. Minn età bikrija Nazzareno dejjem kien iħaddan sens ta’ fidi f’Ġesù hekk kif kien iħobb jgħid ir-rużarju.

Barra minn hekk, Nazzareno kellu devozzjoni kbira lejn San Ġorġ Preca… li propju Vella iltaqa’ miegħu personalment. Dakinhar, San Ġorġ Preca tah domna li kompla jgħożż għall-kumplament ta’ ħajtu.

Nazzareno Vella, madwar 70 sena ilu, mix-xejn kien beda intrapiża u waqqaf il-kumpanija Hal Mann…kumpanija li matul is-snin impjegat lil bosta nies.

Il-qassis qal ukoll li l-fidi li kellu sarrafha f’imħabba kbira lejn familtu kif ukoll dejjem kien iħobb jagħti donazzjoni għall-karità.

Bosta ddeskrivew lil Nazzareno Vella bħala bniedem li kien iħaddan valuri ferm sodi fejn il-valuri tiegħu se jibqgħu ħajjin f’dawk li kienu jafuh mill-qrib.

Fost knisja ppakkjata bin-nies, preżenti kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kif ukoll diversi Deputati tal-Partit Nazzjonalista.