Kritika ħarxa fil-konfront tal-Gvern… din id-darba mill-President tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel Paul Pace… għall-mod kif il-Gvern qed ikompli jberbaq il-flus sabiex jaġevola lin-nies tal-qalbha… u ma jagħtix każ liż-żgħir.
F’post fuq il-media soċjali Paul Pace kiteb li għal dawn l-eks Deputati l-Gvern għandu flus iżda għall-infermiera u l-qwiebel m’għandux.
Pace kiteb li l-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru tas-Saħħa misshom jistħu għall-mod kif qed jitrattaw lill-infermiera u l-qwiebel, fejn imbagħad għall-eks Deputati tal-Labour… money no problem.
Paul Pace kien qed jirreferi għall-informazzjoni żvelata fil-Parlament li kkonfermat kif erba’ eks deputati Laburisti qed jieħdu bejniethom aktar minn miljun ewro f’konsulenzi – turija cara tal-mod illi bih tal-qalba qed “jitħanżru”, kif iddikjarat id-deputat Rosianne Cutajar.
Wara c-chats bejn il-Membru Parlamentari Laburista u n-negozjant Yorgen Fenech illi ġew ippubblikati aktar minn ġimgħa ilu …il-poplu għadu bla risposta għal min kienet qed tirreferi eżatt Rosianne Cutajar meta qalet li kulħadd jitħanżer.
Iżda kollox jibda jieħu kuntest differenti meta wieħed jara kemm daħħlu fil-but dawn l-eks deputati Laburisti – li huma biss parti żgħira mill-istampa kollha li għada trid tiġi żvelata.
L-informazzjoni ħarġet minn mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut, fejn sar magħruf li erba’ eks deputati Laburisti ħadu bejniethom ‘il fuq minn miljun ewro f’konsulenzi jew pagi minn fuq dahar il-ħaddiem Malti li jħallas it-taxxa.
Jidher li l-aktar li gawda mill-pakketti finanzjarji approvati mill-Gvern kien Gavin Gulia, li daħħal €388,000 f’perjodu ta’ ħames snin. Warajh Luciano Busuttil b’total ta’ €350,000 minn tmien ministeri.
Warajh hemm l-eks deputat Silvio Grixti b’€234,640 minn ħames ministeri differenti ….u kważi €60,000 għal Etienne Grech bejn l-2020 u l-2022; b’analisti politiċi jgħidulna li dan kien speċi ta’ “rigal” talli ċeda postu fil-Parlament biex is-siġġu tiegħu ħadu l-ħabib ta’ Robert Abela, Clyde Caruana, li illum huwa l-Ministru tal-Finanzi – l-istess Ministru li riċentament fil-Parlament qal li hemm bżonn li nissikkaw iċ-ċintorin.
//= $special ?>