Internazzjonali

Il-Kanada: Rebbieħa tal-Oscar mhix impressjonata b’ċajta goffa għall-Ewwel ta’ April

Id-direttur tal-film Women Talking xejn ma apprezzat ċajta li għamlilha binha għall-Ewwel ta’ April u wara li hi rċeviet ittra b’messaġġ biex tirritorna l-Oscar li kienet rebħet ftit tal-jiem ilu u li skont l-ittra kienet ingħatatilha bi żball.

Sarah Polley, Kanadiża, ħadet il-qatgħa ta’ ħajjitha meta qrat l-ittra fuq Twitter fejn hi kienet mitluba biex tibgħat lura l-Oscar li ngħatatilha għall-aħjar screenplay…L-iscreenplay kien il-bażi għall-istorja ta’ Women Talking u li kien rikonoxxut waqt il-95 edizzjoni tal-Academy Awards li saret ix-xahar li għadda f’Los Angeles.

Fil-fatt, l-ittra ta’ binha, li għad għandu 11-il sena, qalet li Polley ‘setgħet iżżomm l-Oscar id-dar għal ġimgħa waħda biss’ iżda mbagħad hi kienet fid-dmir li tirritorna l-Oscar lill-Bord tal-Academy Awards biex jingħata ‘lir-rebbieħ li jixraqlu’ – f’dan il-każ il-film All Quiet on the Western Front li jitratta l-Ewwel Gwerra Dinjija.

Jidher ukoll li Edward Berger, id-direttur ta’ ‘All Quiet…’ ukoll daħal fl-ispirtu taċ-ċajta fejn bagħat messaġġ fuq Twitter b’offerta biex Polley tibgħat l-Oscar direttament lilu biex  tiffranka mill-ispejjeż tal-posta.

Fl-aħħar sigħat, Sarah Polley – eks attriċi — għamlitha ċara li ma kenitx impressjonata waqt li sostniet li binha ‘jeħtieġ jitgħallem li ċertu ċajt imur ‘il hinn mil-limitu aċċettat.’