Illum, it-2 ta’ April, madwar id dinja jkun imfakkar Jum l-Awtiżmu biex tingħata aktar importanza għall-ħtieġa tal-għajnuna biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni bil-kundizzjoni tal-awtiżmu biex dawn ikunu jistgħu jgħixu aħjar u jintegraw fis-soċjetà.
It-tema magħżula għal din is-sena hi “Nittrasformaw in-narrattiva: Kontribuzzjonijiet fid-dar, fuq ix-xogħol, fl-arti u fit-tfassil tal-politika”. Kif inhu magħruf, persuni li jkunu jbatu minn din il-kundizzjoni jkollhom bżonn ta’ appoġġ u attenzjoni partikolari, speċjalizzata u individwali, li għandha tibda tingħata minn età żgħira.
Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliema għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea, il-Partit Nazzjonalsita qal li aktar ma jkun hemm appoġġ personali, aktar hemm possibbiltà ta’ integrazzjoni.
Għaldaqstant, il-Gvern għandu jara li jiżdiedu aktar Autism Classes f’kull livell ta’ skola, meta wieħed jikkunsidra li hemm aktar minn 1,300 student li għandhom din il-kundizzjoni, filwaqt li n-numru ta’ skejjel mgħammrin bi kmamar multi-sensorjali huma ftit u hemm bosta li m’humiex jintużaw minħabba nuqqas ta’ professjonisti.
Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern biex jara li aktar skejjel ikunu mgħammrin għal dawn l-istudenti. Dawk kollha involuti fit-taħriġ iridu jkunu mogħtija l-għodda meħtieġa biex jagħmlu dan.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jipprovdi t-taħriġ kollu meħtieġ għal dawk li jkunu se jwettqu xogħol ma’ persuni li għandhom il-kundizzjoni tal-awtiżmu, filwaqt li l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-paga għandhom jirriflettu x-xogħol tant siewi li jwettqu.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jappoġġja inizjattivi li jgħinu biex persuni bl-awtiżmu jitqiesu bħala parti mis-soċjetà u jingħataw kull opportunità possibbli biex jgħixu ħajja aħjar.
Jirringrazzja wkoll lill-għaqdiet volontarji, lill-qraba u lill-professjonisti li jagħtu sehemhom biex min għandu l-kundizzjoni tal-awtiżmu ma jaqax lura fis-soċjetà. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jagħti l-appoġġ tiegħu lil dawk kollha li jagħtu s-servizz tagħhom, filwaqt li jwiegħed ukoll li l-familjari involuti jingħataw dak kollu meħtieġ, fosthom kull għajnuna possibbli.
//= $special ?>