Il-President ta’ Malta, George Vella, appella lill-Awtorità tal-Ippjanar u awtoritajiet regolatorji oħra biex ikunu aġenti tal-bidla u biex jipprovdu soluzzjonijiet għall-istat attwali tal-ambjent.
“Jekk hemm bżonn, għandhom jittieħdu deċiżjonijiet radikali sabiex jitwaqqfu l-prattiki li mhumiex iwasslu għar-riżultati mixtieqa. Dan jeħtieġ li jibda minnufih,” qal il-President waqt li kien qiegħed jindirizza r-raba’ edizzjoni tal-Malta Architecture and Spatial Planning (MASP) Awards organizzati mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-President Vella qal li qegħdin naraw tiżviluppa “kolliżjoni inkwetanti u perikoluża ta’ żewġ xejriet” li qegħdin jaħdmu kontra xulxin: l-isforzi ta’ grupp imdaqqas ta’ timijiet interdixxiplinari li joħolqu l-eċċellenza u grupp ferm akbar ta’ periti u inġiniera li qegħdin sempliċiment jikkontribwixxu għal firxa dejjem akbar ta’ bini impersonali u bla ruħ li qed jieħu l-ispazji miftuħa disponibbli kollha.
Il-President innota li Għawdex huwa eżempju ċar ta’ dan l-iżvilupp żejjed u wissa li l-bini ikrah eventwalment se jwassal għal effett negattiv fuq it-turiżmu u fuq il-komunitajiet żgħar tagħna, li bil-mod il-mod qegħdin jitilfu s-sens ta’ identità tagħhom. Meta wieħed ma jkollux viżjoni fit-tul, qal il-President, dan jista’ jagħmel ħsara lill-pajjiżna b’mod li ma jissewwiex.
Il-President Vella laqa’ l-leġiżlazzjoni riċenti li tiżgura aktar kompetenzi u kontrolli tal-kumpaniji tal-bini u tintroduċi aktar għarfien dwar il-bżonn ta’ aktar sigurtà għall-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni nfushom.
Madankollu, qal li jrid jiġi żgurat l-infurzar f’kull livell, speċjalment biex jiġi evitat li nerġgħu nesperjenzaw avvenimenti traġiċi ta’ vittmi ta’ binjiet li jaqgħu minħabba xogħol mhux tajjeb jew b’riżultat dirett ta’ prattiki tax-xogħol mhux ikkontrollati fis-siti tal-bini li jmissu mad-djar tan-nies.