It-2 ta’ April jimmarka l-Jum Dinji tal-Awtiżmu. F’dan il-jum, imfakkar mill-Ġnus Magħquda, nagħtu attenzjoni partikolari lill-fenomenu tal-Awtiżmu, u niftakru fl-isforzi ta’ dawk kollha li jaħdmu biex id-dinja ssir post aktar aċċessibbli u inklużiva għall-persuni fuq il-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu u l-familji tagħhom.
Imwaqqaf fit-2 ta’ April tal-2018, il-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu għandu r-rwol skont il-liġi li jagħti pariri lill-Gvern dwar l-aħjar triq ‘il quddiem f’dan ir-rigward, filwaqt li jqis il-kontribuzzjoni u l-vuċijiet tal-partijiet interessati, inklużi, l-ewwel u qabel kollox, dawk ta’ persuni fuq il-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu u l-alleati tagħhom.
Sa mit-tnedija tal-Istrateġija Nazzjonali għal Malta dwar l-Awtiżmu fl-2021, ix-xogħol għaddej b’mod kostanti. Il-Kunsill involva ruħu ma’ partijiet interessati differenti, fir-rigward ta’ riformi u inizjattivi fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-parteċipazzjoni u l-impjieg.
Eżempji ta’ inizjattivi bħal dawn huma proġett parteċipattiv immexxi mill-Università ta’ Malta u ffinanzjat mill-Ministeru għall-Inklużjoni, dwar tranżizzjonijiet għall-edukazzjoni universitarja, kontribut għal inizjattivi bħal Autism Friendly Spaces, immexxija mill-NGO Prisms u appoġġjata wkoll mill-Ministeru, u proġett tal-UE dwar il-bini tal-kapaċità fil-qasam tal-impjieg.
Il-Kunsill jirrikonoxxi l-prinċipju ta’ “Xejn Dwarna, Mingħajrna”, li fuqu hija msejsa l-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD), fil-ħidma kollha tiegħu. F’dan ir-rigward, l-isforzi tiegħu jibqgħu jinbnew fuq il-kontribut kostanti tal-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri fil-kamp tal-Awtiżmu (APA) – Malta, u l-Komunità tal-Istudenti Awtistiċi, it-tnejn rappreżentati fil-Kunsill.
Ninsabu onorati li, aktar tard dan ix-xahar, permezz tal-isforzi tal-Onor. Julia Farrugia Portelli, Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Sophia Grech, mezzo-sopran ta’ nisel Malti mir-Renju Unit, li qiegħda fuq il-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu, illi hija wkoll attivista, sejra tniedi l-verżjoni bil-Malti tal-ktieb tagħha ‘Nixtieq Naf Inkanta’. Iffinanzjat mill-Ministeru, il-ktieb għandu l-għan li jimxi lil ‘hinn milli nibqgħu inpinġu l-awtiżmu bħala ‘diżordni’, , sabiex minflok nagħtu spinta lill-persuni fuq il-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu biex jesprimu ruħhom b’modi li bihom jistgħu jeċċellaw.
Hawnhekk, il-Kunsill jixtieq ukoll jifraħ lil Alessia Bonnici, pjanista Maltija ta’ 17-il sena fuq il-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu, li se tagħti kunċert il-Finlandja, wara diversi suċċessi f’Malta.
Il-Kunsill se jkun qed jorganizza wkoll, għal darb’oħra, laqgħa annwali għall-fornituri tas-servizzi, li tippermetti diskussjoni bejn il-Kunsill u dawn l-entitajiet fis-settur. Bħal dejjem, l-Onor. Ministru sejra wkoll tipparteċipa f’dan l-eżerċizzju din is-sena, b’tali laqgħa sejra tkun organizzata fil-21 ta’ April.
Madankollu, filwaqt li l-ħidma tal-Kunsill, anke jekk mhux dejjem pubbliċizzata ħafna, hija u se tibqa’ għaddejja, din hija inutli mingħajr bidla fl-attitudnijiet soċjali li jseħħu b’mod parallel.
Huwa wkoll għal din ir-raġuni li l-Kunsill jixtieq jagħti l-appoġġ tiegħu għall-attiviżmu tal-European Council of Autistic People (EUCAP), u l-inizjattivi tagħhom bħal “Stejjer lil ‘hinn mill-Vjolenza”, flimkien mal-European Women’s Lobby, li se jiġu diskussi f’serje ta’ webinars tul ix-Xahar tal-Awtiżmu: https://eucap.eu/webinars-april-2023/.
Huwa għall-istess raġuni li l-Kunsill jixtieq jagħti wkoll l-appoġġ tiegħu għall-kampanja ta’ Autism-Europe intitolata “Nibnu Soċjetà Inklużiva għall-Persuni Awtistiċi”, u jħeġġeġ it-tixrid ta’ messaġġi fuq il-midja soċjali żviluppati mill-kampanja, u stampi mill-komunità tal-awtiżmu, skont dak deskritt fit-toolkit maħruġ minnhom għal din il-kampanja: https://www.autismeurope.org/wp-content/uploads/2023/03/WAAD-2023_Campaign-toolkit.pdf.
//= $special ?>