Internazzjonali

‘Is-soċjetà għandha sservi bħala vuċi għall-abbandunat’ — messaġġ mill-Papa għal Ħadd il-Palm

Il-Papa Franġisku ċċelebra Ħadd il-Palm permezz ta’ quddiesa fil-Pjazza tal-Vatikan  u fejn, fost oħrajn, appella biex il-komunitajiet ma jinjorawx lin-nies, inklużi il-Kristjani, li spiċċaw abbandunati mis-soċjetà u li qed jiffaċċjaw ċirkustanzi ddisprati.

Il-Kap tal-Kattoliċi deher pjuttost fraġli waqt il-quddies peress li qed jirkupra minn tlett ijiem ta’ konvalexxenza fl-isptar Gemelli ta’ Ruma u fejn kien trattat għall-effetti ta’ bronkite.

Qabel il-quddies, il-Papa bierek il-weraq tal-palm tradizzjonali fil-preżenza ta’ ‘il fuq minn 30,000 devot li marru hemm fl-okkażjoni ta’ Ħadd il-Palm u biex jesprimu solidarjetà mal-Kap tal-Kattoliċi fi żmien meta hu qed jiffaċċja l-problemi tas-saħħa.

Fl-Omelija ta’ kwarta, il-Papa rrefera għall-Kristjani abbandunati u li qal ‘qegħdin jimxu fil-passi ta’ Ġesu li kien messu l-istess destin wara l-wasla trijonfali f’Ġerusalemm’….Wasla li kull sena qed tkun imfakkra mill-popli tal-Kattoliċi bħala l-Festa ta’ Ħadd il-Palm.

Il-Papa Franġisku sostna li s-soċjetà għandha d-dmir biex isservi bħala l-vuċi għall-abbandunati kif ukoll għal persuni emarġinati. Dan meta fid-dinja qegħdin naraw dejjem aktar nies li qed jispiċċaw sfruttati minbarra numru qed jiżdied ta’ foqra f’kull livell ta’ ħajja.

Hu rrefera wkoll għall-immigranti li huma meqjusa bħala ‘numri u mhux bnedmin bħal ħaddieħor’ flimkien ma’ eks priġunieri u ħabsin li s-soċjetà warrbithom bħala persuni problematiċi.

Sadanittant, il-Papa fakkar li l-imwarrbin jirriflettu kull qasam tal-ħajja u li hemm anki vittmi li huma ‘inviżibbli’ għas-soċjetà.

Il-Papa Franġisku, f’dan il-każ, semma lit-tfal mhumiex imwielda b’referenza ovvja għall-abort, filwaqt li esprima solidarjetà ma dawk kollha li qegħdin jgħixu l-aħħar jiem ta’ ħajjithom fid-djar tal-anzjani  fejn jinsabu abbandunati minn kulħadd – inklużi qrabathom. 

Fl-istess ħin, il-Papa, waqt l-omelija, ma nesiex ’liż-żgħażagħ li jħossuhom vojta minn ġewwa u li anki jistgħu jagħżlu t-triq tas-suwiċidju peress li ħadd ma jifhem l-uġigħ li huma jistgħu għaddejjin minnu.’

Fil-jiem li ġejjin, il-Papa se jimpenja ruħu għal skeda ta’ avvenimenti relatati mal-Ġimgħa Mqaddsa qabel hu jiċċelebra l-Quddies ta’ Ħadd il-Għid, fid-9 ta’ April.