Raġel ta’ 76 sena residenti l-Marsa weġġa’ gravi wara li kien involut f’inċident fil-Marsa stess.
L-inċident seħħ is-Sibt filgħaxija għall-ħabta tas-6:45 fi Triq Belt il-Ħażna.
Il-Pulizija marret fil-post u mil-ewwel investigazzjonijiet li saru rriżulta li żagħżugħ ta’ 19-il sena li kien qed isuq Toyota Vitz tilef il-kontroll tal-vettura u ħabat f’Mercedes Benz Sprinter li kienet ipparkjata. Ir-raġel ta’ 76 sena li fil-ħin tal-inċident kien fuq sellum jaħsel il-Mercedes intlaqat mill-vettura.
Tim mediku mar fil-post sabiex jassisti filwaqt li ambulanza ħadet lir-raġel l-isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Aktar tard, huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>