Sanna Marin sfat megħluba fl-elezzjoni ġenerali tal-Finlandja bil-Partit Konservattiv jikseb l-aktar ammont ta’ voti. Fil-fatt, il-Partit tal-Koalizzjoni Nazzjonali ta’ Petteri Orpo ġab 20.8% tal-voti, u kiseb maġġoranza relattiva.
Il-Partit Popolari meqjus bħala l-Partit Ewroxettiku ġab 20.1%, filwaqt li l-Partit Soċjalista ta’ Marin żied fis-siġġijiet iżda ġab 19.9% tal-voti.
Fl-ewwel kummenti tiegħu, Petteri Orpo qal li se jibda minnufih jinnegozja mal-partiti l-oħrajn biex ikun jista’ jifforma Gvern – taħdidiet li mistennija jieħdu fit-tul u possibbilment ikkumplikati.
Orpo stqarr li din hija “rebħa kbira” għall-partit tiegħu, u kollox jindika li hu se jkun il-Prim Ministru l-ġdid tal-pajjiż.
Petteri Orpo, li għandu 53 sena, diġà serva fil-passat bħala Ministru tad-Difiża u anke Ministru tal-Finanzi, u fl-2016 beda jmexxi l-Koalizzjoni Nazzjonali.
Dak li ġara matul il-lejl: Il-Prim Ministru tal-Finlandja, Sanna Marin tinsab fl-eqqel ta’ taqbida kbira biex iżżomm postha fit-tmexxija ta’ pajjiżha. Dan wara li l-konservattivi fl-Oppożizzjoni qed jidhru li kisbu vantaġġ minimu skont l-ewwel riżultati tal-elezzjoni ġenerali meqjusa bħala importanti ferm għall-futur tal-pajjiż.
L-ewwel fażi wara l-għeluq tal-votazzjoni tinvolvi l-40 fil-mija tal-votanti li tefgħu l-voti qabel il-jum proprju tal-elezzjoni. Intant, il-Partit tal-Koalizzjoni Nazzjonali (tal-konservattivi) kellu ftit aktar minn 20 fil-mija tal-vot skont ir-riżultati inizjali, bis-Soċjali Demokratiċi (taċ-ċentru-xellug) ta’ Marin jiksbu ftit anqas tal-appoġġ popolari.
Intant, il-fażi hekk bikrija tal-elezzjoni anki kapaċi turi stampa differenti u pjuttost qarrieqa, bl-analisti jwissu biex ħadd ma joħroġ jgħajjat bir-rebħa għalissa – bir-riżultat jibqa’ parzjali.
Il-partit li jirbaħ l-aktar voti għandu jkollu l-ewwel opportunità biex jifforma koalizzjoni u meta l-ebda partit mhu mistenni jirbaħ maġġoranza. Intant, it-taħditiet lejn kwalunkwe Gvern ġdid f’Helsinki, ‘il quddiem, għandhom ikunu twal u kkumplikati sakemm il-partijiet jilħqu konsensus għal koalizzjoni li tmexxi lill-pajjiż għal erba’ snin.
//= $special ?>