In-nisa fl-Iran għadhom qed ikunu suġġetti għall-attakki fil-każi fejn huma ma jilbsux il-hijab – jew xalla tar-ras – fil-pubbliku, skont il-kriterji tal-Islam.
Fil-fatt, fl-aħħar sigħat, żewġ nisa spiċċaw arrestati wara li kienu attakkati minn raġel li qaleb kontejner tal-yogurt fuq rashom. Dan wara li hu kien avviċinahom biex iwiddibhom talli ma kellhomx rashom mgħottija ‘skont il-liġi’.
Il-filmat tal-‘aggrediment’ fl-aħħar sigħat kien qed jiċċirkula madwar il-pajjiż, bil-Ġudikatura Iranjana tikkonferma l-arrest tan-nisa ‘talli wrew xagħarhom fil-pubbliku b’mod illegali’. Intant, ir-raġel li qaleb il-jogurt għal fuqhom ukoll spiċċa arrestat għall-ksur tal-bwon ordni.
L-arresti segwew xhur ta’ protesti fl-Iran li fihom ħarġu l-folol iddominati min-nisa u tfajliet tal-iskola fost l-għajta ġenerali biex huma ma jkomplux jilbsu l-hijab ta’ bilfors. Id-dimostrazzjonijiet żdiedu wara li mara ta’ 22 sena kienet mietet ftit wara li spiċċat arrestata mill-Pulizija għall-Ħarsien tal-Moralità f’Tehran u li kienu żammewha talli hi ma kenitx liebsa x-xalla ma’ rasha.
U filwaqt li mara tkun qed tissogra l-persekuzzjoni f’każ li hi toħroġ barra mingħajr xalla tar-ras, hu minnu li ħafna nisa qegħdin joħorġu xorta waħda b’rashom mikxufa fl-ibliet ewlenin tal-Iran, u minkejja r-regoli stretti.
//= $special ?>