Newcastle United ħadu spinta kbira fit-tentattivi biex jikkwalifikaw għaċ-Champions League b’rebħa meritata, 2-0, fuq Manchester United f’St James Park.
B’din ir-rebħa, il-Geordies pattewha lir-Red Devils li ftit ġimgħat ilu kienu għollew il-Carabao Cup għall-ispejjeż tagħhom u meta huma, issa, qabżu lill-istess United fit-tielet post tal-klassifika b’differenza ta’ gowls superjuri.
Min-naħa tagħhom, United taw wirja diżappuntanti għall-aħħar u meta huma, issa, ilhom mingħajr rebħa jew imqar gowl fl-aħħar tliet logħbiet tal-kampjonat – bi tnejn minnhom iseħħu qabel il-break għall-futbol internazzjonali.
Fl-istess ħin, United ħassew ħafna n-nuqqas tal-plejers regolari Casermiro, Christian Eriksen, Aaron Wan Bissaka u Alejandro Garnacho ( kollha mweġġgħin) b’Almiron ukoll ikun nieqes mill-formazzjoni ta’ Newcastle.
L-ewwel periklu fl-ewwel 45 minuta kien ta’ Newcastle b’David de Gea jagħmel save doppju fuq id-daqqa ta’ ras ta’ Alexander Isak kif ukoll fuq il-‘follow-up’ mill-viċin ta’ Joe Willock.
Intant, Willock tilef okkażjoni faċli oħra ftit wara bi Newcastle – permezz ta’ Allan Saint-Maximin — juru l-aħjar ideat sal-mistrieħ, bid-difiża ta’ United dejjem attenta biex tagħlaq l-ispazju.
Madankollu, Newcastle żblukkaw ir-riżultat minn Willock, li fil-65 minuta kien fil-post eżatt biex jegħleb lil de Gea wara li Saint-Maximin indirizza lejh minn quddiem il-lasta fuq xogħol tajjeb minn Bruno Guimaraes.
Ir-reazzjoni ta’ Man Utd kienet fjakka, bi Newcastle ikomplu bil-pressjoni fuq il-lasta ta’ de Gea u ma kenitx sorpriża meta s-sostitut, Callum Wilson (88), irdoppja bir-ras fuq korner, bil-ballun jaħbat ma’ sieq il-lasta qabel spiċċa fix-xibka.
Għaldaqstant il-ġlieda għat-Top 4 tal-Premier League kompliet tiħrax b’Tottenham Hotspur, li jinsabu l-ħames b’punt wieħed biss wara Newcastle u Man Uted ikunu impenjati llum kontra Everton f’Goodison Park.
Rebħa importanti għal West Ham Utd
West Ham United ħadu ftit tan-nifs b’rebħa 1-0, fir-‘relegationsix pointer’ kontra Southampton fil-London Stadium. Bżdan ir-riżultat, is-Saints baqgħu ankrati f’qiegħ il-klassifika u b’distakk ta’ żewġ punti ma’ Leicester City li jinsabu t-tieni mill-aħħar.
It-tliet punti mirbuħa, intant, ifissru li l-Hammers telgħu fl-14-il post tal-klassifika grazzi għall-gowl kruċjali ta’ Nayef Aguerd (25) li bir-ras dawwar għal ġewwa il-freekick insidjuż ta’ Thilo Kehrer – bil-gowl ikun ikkonvalidat wara evalwazzjoni fit-tul mill-VAR
Fit-tieni taqsima, il-gowlkiper tas-Saints Gavin Bazunu salva fuq il-freekick ta’ Benrahma, bil-Hammers imbagħad jixħtu kollox fuq id-difiża – b’Lukasz Fabianski isalva t-tentttivi ta’ Romeo Lavia u Carlos Alcarez.
Intant, is-Saints kienu perikolużi meta fl-aħħar ħinijiet huma laqtu l-mimduda mill-eks attakkant ta’ Gent, Paul Onuachu, iżda r-riżultat baqa’ l-istess sat-tisfira finali tar-referi Paul Tierney.
//= $special ?>