Lokali

Rosianne Cutajar b’safriet ripetuti lejn Dubaj għal waqfiet ta’ 48 siegħa biss

Rosianne Cutajar ripetutament siefret lejn Dubaj għal waqfiet ta’ 48 siegħa biss… iżda ħadd ma jaf x’kienet tmur tagħmel u wisq inqas ma’ min kienet tiltaqa’.

Dan ġie żvelat mal-gazzetta Il-Mument wara li kienu ġew ippublikati chats bejn id-deputat Laburista u l-imprenditur Yorgen Fenech… chats li kkonfermaw dak l-abbużi tal-poter mill-Gvern Laburista.

Fid-dawl tas-safriet frekwenti minn Malta lejn Dubaj u lura… safriet li kienu jsiru kull xahrejn jew tliet xhur… ġie mistoqsi l-mottiv wara dawn is-safriet hekk kif ħadd ma jaf eżatt għalfejn kienet tmur l’hemmhekk.

Fl-aħħar ġimgħat, Rosianne Cutajar kienet spiċċat fuq fomm kulħadd wara ċ-chats żvelati li jammontaw għal iktar minn 2,000 messaġġ… chats illi juru r-relazzjoni intima li kien hemm bejn Cutajar u Fenech, u li jiżvelaw informazzjoni sensittiva li għaddiet bejn dawn iż-żewġ persuni; informazzjoni li tirrigwardja personaġġi għolja fi ħdan il-Gvern tal-eks Prim Ministru, Joseph Muscat.

Mill-messaġġi ħareġ ċar illi Yorgen Fenech… kien jaf meta se jsir reshuffle tal-Kabinett… kien jaf min se jilħaq Kummissarju Malti fl-Ewropa…. Kien jaf dak li kien għaddej dwar l-eks Ministri Chris Cardona u Konrad Mizzi… kien ħaġa waħda ma’ Keith Schembri – f’kelma waħda ‘kien jaf kollox’…kull informazzjoni li kienet ġejja minn Kastilja. Tant li f’konversazzjoni minnhom id-Deputat Laburista tagħti parir lill-istess Fenech biex ikellem lill-Prim Ministru u lil Keith Schembri… b’Fenech jikkonferma li mar ‘jarah’.

F’dawn iċ-chats sar magħruf ukoll li Rosianne Cutajar kienet infurmat lil Yorgen Fenech li kienet se tagħmel bħal ħaddieħor…u tieħu job bħala konsulent fl-ITS għaliex kulħadd kien qiegħed jitħanżer. B’Rosianne Cutajar daħħlet fil-but mal-€81,000 minn job part time li kellha mal-ITS.

Fil-fatt, f’messaġġ partikolari Rosianne Cutajar kitbet preċiżament dawn il-kliem… “ħa nidħol konsulenta u ndaħħal paga oħra. Ma jimpurtanix, kulħadd jitħanżer.” Kliem perfett li jiddeskrivi preċiżament l-għaxar snin ta’ Gvern Laburista.

Fid-dawl ta’ dan kollu, Robert Abela għadu ma ħa l-ebda azzjoni dwar il-backbencher Laburista… tant li qed jagħżel li jżommha miegħu bħala parti mill-Grupp Parlamentari.