Lokali

“Tal-Labour f’kompetizzjoni ta’ min se jitħanżer l-iktar”

“Bejniethom hemm kompetizzjoni ta’ min jitħanżer l-iktar u flok Rosianne Cutajar għażlet li tieqfilhom, ipprovat tagħmel iktar minnhom,” qal Bernard Grech. “U dak li ilhom jagħmlu għal dan l-aħħar 10 snin.”

Qal dan il-Kap tal-PN, Bernard Grech waqt il-programm Analiżi hekk kif tkellem dwar dak kollu li ġie żvelat fl-aħħar jiem dwar ic-chats ta’ bejn Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech. Hu kompla jgħid li numru ta’ esponenti Laburisti daħlu fil-politika biex isiru sinjuri, xi ħaġa li ilna nafu biha għal snin sħaħ iżda l-Gvern Laburista naqas milli jieħu azzjoni dwar dan.

“Kull darba li Abela u sħabu fl-aħħar 10 snin ta’ Gvern Laburista ra kif gaħmel biex jibqa’ jiddefendi lilu nnifsu u jattakka lil dawk li qed jikxfuh, dak ifisser li l-istituzzjoni qed jintuża biex jibqgħu jitħanżru u jsikktu lil dawk li qed jikxfuhom u jkomplu jagħmlu li jridu,” qal Bernard Grech.

Bernard Grech qal kif Robert Abela huwa Prim Ministru dgħajjef u kkontrollat. Il-Kap tal-PN fakkar li fid-dawl tal-każ skandaluż ta’ Steward, jekk Robert Abela se jibqa’ dgħajjef, qatt mhu se jkollu l-awtorità morali biex jipproteġi lill-poplu Malti u Għawdxi.

“Il-problema li inti mintiex kapaċi tiftaħ kawża biex flus il-Maltin u l-Għawdxin jiġu lura mingħand il-barranin li inthom ikkonfoffajtu magħhom,” qal Bernard Grech.

Bernard Grech qal kif għandna persuna li suppost qed tmexxi lill-pajjiżna iżda minflok qed jgħażel li jibqa’ jaqbeż għall-barrani li ħadu l-miljuni minn ħalq il-poplu Malti u Għawdxi u ġabu s-settur tas-saħħa għarkuptejh.

Il-Kap tal-PN għamel ukoll referenza għat-traġedja ta’ Jean Paul Sofia fejn qal li l-ġenituri għaddejjin minn dulur kawża tan-nuqqas ta’ Abela.

“Jien lit-tifel ma nistax inġibu lura imma ma rridx li ġenituri oħra jgħaddu mill-istess ħaġa. Irrid li toħroġ il-verità biex nevitaw li ssir l-istess ħaġa,” qal Bernard Grech.

Bernard Grech fakkar kif Inkjesta Pubblika se tkun qed twassal għal investigazzjoni dettaljata ta’ dak li ġara u biex fl-aħħar mill-aħħar toħroġ il-verità kollha fil-pubbliku.

“Robert Abela għalfejn jibqa’ jaħrab milli nkunu nafu l-verità?” qal Bernard Grech.

Il-Kap tal-PN fakkar kif fl-aħħar 10 snin rajna membri fi ħdan il-Partit Laburista nvoluti fi skandlu wara l-ieħor, fosthom il-ġebla protetta fir-residenza ta’ Anton Refalo, u l-pixxina llegali ta’ Ian Borg, fost lista li ma tispiċċa qatt li ntefgħet taħt it-tapit qisu xejn mhu xejn.

“Għandna Gvern li għadu għaddej mill-impunità u jiddefendi lill-kriminali filwaqt li jsikket lil dawk li jipprovaw jikxfu dak li għaddej fi ħdan il-Gvern,” qal Bernard Grech.

U fid-dawl ta’ dan kollu, Robert Abela qed juri lill-Maltin u l-Għawdxin li m’għandu assolutament l-ebda pjan għal pajjiżna.

“Il-verità hi li Robert Abela m’għandux soluzzjoni għall-għoli tal-ħajja,” qal Bernard Grech.

Minn naħa tiegħu, Bernard Grech wiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ viċin in-nies biex jifhem id-diffikultajiet u fl-aħħar mill-aħħar ikun il-pilastru ta’ pajjiżna għal ekonomija iktar b’saħħitha.