Matul dan iż-żmien tas-sena madwar pajjiżna jittellgħu numru ta’ wirjiet li jesebixxu varjetà kbira ta’ arti sagra relatata mal-Ġimgħa Mqaddsa… arti li tvarja minn vari tal-Ġimgħa l-Kbira għal pitturi u bozzetti…. Kollha magħmulin b’dedikazzjoni kbira mill-artisti.
Il-Ħadd filgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għamel żjara fil-lokalitajiet tal-Qrendi u l-Imqabba fejn hemmhekk żar numru ta’ wirjiet li qed joffru esebizzjonijiet mill-isbaħ għal dawk kollha li jżuruhom.
Fil-każin tas-Soċjetà Mużikali Santa Marija tal-Qrendi qed tittella’ wirja bl-isem ‘Miserere Mei Deus’ bil-kollaborazzjoni mal-artist, il-Kavallier Antonio Mifsud.. wirja li toffri bosta opri ta’ arti bi stil uniku fejn l-iskultura u l-pittura jingħaqdu flimkien bħala kompiżizzjoni artistika waħda.
Il-Kap tal-PN Bernard Grech għamel żjara wkoll fl-iskola Helen Keller Resource Centre fil-Qrendi fejn hemmhekk qed tittella’ wirja b’differenza bl-isem ‘Dan hu Ibni l-għażiż’.
Wara, huwa żar wirja f’residenza privata fejn seta’ jara fost l-oħrajn esebizzjoni ta’ vestwarju li fl-imgħoddi kien jintużaw fil-pruċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira.
Mill-Qrendi għall-Imqabba… fejn l-ewwel żjara tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista kienet fil-Każin tas-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju. F’dan il-każin bħalissa qed tittella’ wirja ta’ vari tal-Ġimgħa l-Kbira bl-isem ‘Ecce Mater Tua’.
Wara, Bernard Grech żar il-Każin tas-Soċjeta Santa Marija Banda Re Gorg V fejn kellu l-oppurtunità li jitkellem ma’ dawk preżenti kif ukoll isegwi dramm kontemporanju mtella’ mis-sezzjoni żgħażagħ Santa Marija tal-Imqabba.
F’dan l-istess Każin bħalissa qed issir wirja li tikkonsisti f’41 vara b’iktar minn mitejn statwa li jibdew minn Ħadd il-Palm sat-tlugħ fis-sema ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Għal dawn iż-żjara, preżenti ma’ Bernard Grech kien hemm id-Deputati Toni Bezzina u Stanley Zammit flimkien ma’ kunsilliera f’isem il-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>