Futbol Sport

27 sena wara li rtira…’il-Mundu’ għadu mejqus fost l-aqwa plejers ta’ kull żmien

Raymond Vella

Mingħajr ebda dubju, kull dilettant tal-futbol lokali, għandu kemm għandu żmien, xi darba jew oħra sema’ b’Raymond Vella, ‘il-Mundu’. Anke jekk illum, Vella għandu 64 sena, u llu 27 sena li rrtira mill-futbol milgħub, ‘il-Mundu’ għadu popolari, inkluż ma’ dawk li ftit li xejn jiftakruħ jilgħab.

Raymond Vella lagħab 67 darba għal Malta u skorja gowl.

Il-Marsi li sar leġġenda ta’ Ħamrun Spartans, u tul il-karriera tiegħu hu rebaħ 14-il trofew differenti, kollha mal-Ispartans. Fost dawn l-unuri, ‘il-Mundu’ rebaħ il-Kampjonat tliet darbiet u l-FA Trophy tliet darbiet oħra. Apparti dan, il-midfielder b’inteliġenza bħal ftit fil-logħba tal-futbol, rebaħ l-unur tal-Plejer tas-Sena tal-MFA f’żewġ staġuni differenti.

Il-karriera ta’ dan il-plejer kienet fuq l-aġenda tal-programm Replay, tal-Ħadd filgħaxija, b’servizz speċjali mir-rubrika l-ġdida, “Kienu Qaluha Fuq Replay”. ‘Il-Mundu’ jitkellem dwar żminijiet differenti li għex bħala plejer, meta kien jilgħab ma’ Marsa, Ħamrun Spartans u lejn l-aħħar tal-karriera tiegħu, ma’ Birkirkara Luxol.

Vella kien oriġinarjament intervistat minn Christian Micallef għall-programmi Replay, f’Diċembru tal-2018.

L-aħjar siltiet minn din l-intervista kienu magħżula mit-tim ta’ Replay f’servizz speċjali li xxandar nhar il-Ħadd li għadda fuq Net Television, u li wieħed jista’ jara permezz tal-paġna ta’ Replay fuq Facebook billi jagħfas hawn.