L-ewwel ġimgħa ta’ April se tkun ġimgħa kkaratterizzata minn riħ qawwi u anke xita, hekk kif il-maltemp mistenni jippersisti sa nhar il-Ħadd li ġej.
Skont il-previżjonijiet tat-temp, l-indikazzjonijiet huma li f’Ħamis ix-Xirka, f’Sibt il-Għid u anke l-Ħadd fil-ġurnata tal-Għid il-Kbir jaf ikollna ftit xita matul il-jum. Għalkemm sa issa, kollox qed juri li fil-Ġimgħa l-Kbira mhux se jkollna xita. U allura, dan huwa awgurju tajjeb għad-dilettanti kollha tal-Ġimgħa l-Kbira li ilhom erba’ snin sħaħ jistennew din il-ġurnata – minħabba li anke s-sena li għaddiet kienu tħassru l-purċissjonijiet kawża tal-maltemp, u fis-sentejn ta’ qabel kaġun tal-pandemija.
Apparti x-xita, matul din il-ġimgħa se jkollna riħ b’qawwa li tvarja bejn Forza 5 sa Forza 7.
Għalkemm ir-riħ se jbatti xi ftit sa nhar il-Ġimgħa, imbgħad mistenni jerġa’ jitqawwa fi tmiem il-ġimgħa. Tant li f’Ħadd il-Għid jilħaq mill-ġdid Forza 5.
Intant, it-temperatura f’dawn il-jiem se tkun fil-medja ta’ 17-il grad celcius. Bit-tbassir jindika li l-Ħadd li ġej l-inqas temperatura se tinżel għal 11-il grad.
Dawn il-varjazzjonijiet fit-temperaturi matul ix-xahar ta’ April huma xi ħaġa komuni ferm. Tant li s-sena l-oħra kellna jiem fejn it-temperatura f’April qabżet l-24 grad, u ġranet oħra fejn niżlet taħt id-9 gradi celcius.
//= $special ?>