Internazzjonali

Il-Finlandja: Lejn koalizzjoni ġdida wara t-telfa elettorali ta’ Sanna Marin

Il-Kap tal-Konservattivi Petteri Orpo ħareġ rebbieħ minn elezzjoni ġenerali missielta li involviet tliet partiti ewlenin u fejn irnexxielu jegħleb lill-Partit Soċjal Demokratiku taċ-ċentru xellug immexxi mill-Prim Ministru Sanna Marin.

U waqt li l-era ta’ Marin waslet fi tmiemha, Orpo, fl-ewwel kummenti wara r-rebħa, qal li l-Finlandiżi xtaqu bidla fit-tmexxija u li hu jinsab miftuħ għal negozjati mal-partiti kollha bil-għan li jitwaqqaf Gvern ġdid ta’ koalizzjoni f’Helsinki.

L-elezzjoni tal-Ħadd fil-Finlandja ibbażat l-aktar fuq l-ekonomija u t-tħassib tal-poplu dwar is-sostenibbiltà tas-servizzi soċjali għat-tul taż-żmien.

Intant Orpo, bħala l-Kap tal-Partit Nazzjonali għall-Koalizzjoni, għandu l-akbar mandat biex jindirizza dan it-tħassib wara li kiseb mal-21 fil-mija tal-vot popolari – ftit aktar mill-Partit tal-Finlandiżi populista u ċ-ċentru xellug ta’ Marin.

Spikka wkoll il-fatt li l-Partit tal-Finlandiżi mmexxi minn Riika Purra rebaħ aktar reġjuni minn fost it-tliet partiti avversarji u fejn kiseb 20.1 fil-mija tal-vot popolari li huwa rekord.

Ir-riżultat kien anki kiefer ma’ Sanna Marin li l-partit tagħha żied is-siġġijiet minbarra li aċċerta minn 19.9 fil-mija tal-vot.

Madankollu, Marin għadha personalità ferm popolari mal-Finlandiżi li japprezzaw l-isforzi tagħha lejn l-isħubija imminenti tal-Finlandja fin-NATO wara għexieren ta’ snin ta’ newtralità. Marin ukoll se tibqa’ imsemmija għat-tmexxija effiċjenti u għaqlija tagħha fiż-żmenijiet tal-pandemija tal-Covid.

It-tliet partiti Finlandiżi – il-Partit Nazzjonali għall-Koalizzjoni, il-Partit tal-Finlandiżi u l-Partit Soċjal Demokratiku – kienu kważi ras-imb-ras fl-istħarriġ popolari qabel l-elezzjoni tal-Ħadd, iżda l-ewwel exit polls wara l-għeluq tal-votazzjoni indikaw rebħa għall-partit ta’ Orpo li kienet ikkonfermata ftit sigħat wara u meta l-istess partit, issa, għandu l-akbar numru ta’ siġġijiet fil-parlament.