Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Rapporti konfliġġenti dwar Bakhmut…bir-reżistenza għar-Russi qed tkompli

Il-qawwiet tal-Ukrajna, fl-aħħar sigħat, kienu qed jiddefendu numru ta’ distretti fil-belt ta’ Bakhmut, lejn il-lvant tal-pajjiż, li ilha x-xhur tirreżisti l-offensiva tal-militar Russu.

Fil-fatt, kelliema għall-militar Ukren qalu li l-qawwiet tagħhom irnexxielhom jikkontrollaw l-aħħar mewġa ta’ attakki fuq Bakhmut u wara li Yevgeny Prigozhin, il-kap tal-merċenarji tal-grupp Wagner alleat tar-Russja, kien qal li l-ġellieda tiegħu ‘tellgħu il-bandiera Russa fuq il-bini muniċipali ta’ dik il-belt.’

Intant, Andriy Yermak, bħala ċ-Chief of Staff tal-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal li r-Russi tant saru ddisprati li qed jivvintaw l-istejjer dwar is-suċċessi militari li ma jeżistux fir-realtà. 

Dan waqt li l-Kap tal-Wagner kellu jammetti li l-qawwiet tal-Ukrajna kienu għadhom ikkonċentrati fid-distretti ta’ Bakhmut lejn il-Punent, bl-ammissjoni tixħet aktar dubju fuq il-ftaħir inizjali li r-Russi ħadu l-kontroll tal-belt li ilha taħt assedju mis-sajf.

Il-Viċi-Ministru tad-Difiża tal-Ukrajna, Hanna Maliar ukoll tkellmet dwar is-sitwazzjoni f’Bakhmut u qalet li kwalunkwe diskors dwar rebħa militari għar-Russi irid jitqies biss bħala ‘aħbar qarrieqi’.

Fil-fatt, l-aħħar analiżi mill-Institute for the Study of War indikat li l-Ukreni kienu għadhom qed jikkontrollaw il-parti kbira ta’ Bakhmut u meta l-qawwiet Russi qed jippruvaw jiċċirkondaw il-belt mill-inħawi tal-lvant u n-nofsinar. Dan fost it-telf ta’ ħajja ‘terribbli’ fost il-merċenarji tal-Wagner li qegħdin jiġġieldu spalla ma’ spalla mal-Armata regolari ta’ Moska.

Għakemm il-belt ta’ Bakhmut ftit għandha valur strateġiku, l-Ukrajna temmen li din il-battalja fit-tul għandha sserviha ta’ vantaġġ minħabba li r-Russja qed tkompli titlef ammont eżaġerat ta’ suldati u riżorsi tal-gwerra. Min-naħa tagħhom, il-kmandanti militari Russi qed jittamaw li trijonf militari f’Bakhmut għandu jwittilhom t-triq għal aktar kisbiet territorjali waqt  din il-gwerra.