Lokali

“Imsakkra” – dramm tal-Ġimgħa Mqaddsa li jiġbor fih it-temi tal-lum

Id-dramm ta’ din is-sena, bl-isem ta ‘Imsakkra’, kitba ta’ Justin Farrugia u bl-għajnuna ta’ Henry Zaffarese u oħrajn, jorbot mat-tema soċjali kurrenti, dik tal-vjolenza domestika, fejn fl-aħħar snin rajna il-każijiet jiżdiedu. Minkejja din it-tema soċjali tal-vjolenza domestika, xorta waħda id-dramm jorbot mal-ġrajja ta’ elfejn sena ilu.

Wieħed jista’ josserva il-kuntrast qawwi f’dan id-dramm ta’ dak li qed jiġri fil-preżent u dak li ġara elfejn sena ilu. Dan id-dramm li iż-żgħażagħ qiegħdin itellgħu huwa differenti mid-drammi tradizzjonali li ssoltu mdorrijin naraw, dan għaliex ftit naraw kuntrast bħal dan fid-drama Maltija.

Il-qofol ta’ dan id-dramm huwa fejn nuru l-esperjenza tal-vjolenza domestika, b’mod speċjali fuq il-mara, u nuru vera xi tkun għaddejja minnu, kif thossha msakkra, u kif ma tistax tinħeles mill-vjolenza domestika, minkejja li tiprova telleb l-ostakli li ssib.

Ta’ min isemmi ukoll li fid-dramm noħolqu kuntrast u ninvolvu l-uddjenza fix-xena ta’ Pilatu, fejn Pilatu jistaqsihom x’ħa jagħmel b’dan Gesu, u l-uddjenza, li jirriflettu il-Lhud ta’ dak iż-żmien jgħajtu bil-ħerqa Salbu Salbu! – dan huwa kuntrast kbir ta’ kif qiegħdin ngħixu u nisombilizaw lil Gesu f’ħajjitna, bil-frażi Sallbu. Id-dramm jispiċċa b’għeluq sabiħ u naraw li għalkemm Klara għaddiet minn mumenti iebsin f’ħajjitha, bil-fidi li kellha fil-Mulej, għadda kollox b’wiċċ il-ġid. Ma qatgħetx qalbha u bħalha, aħna wkoll ħadna s-salvazzjoni tagħna.

B’dan id-dramm kontemporanju, irid jitwassal il-messaġġ lil dawk in-nies li jbatu minn kull tip ta’ vjolenza li mhumiex waħedhom u biex jitkelmu mal-ħbieb u l-familjari tagħhom u jifthu qalbhom sabiex jgħinuhom issibu l-għajnuna meħtieġa.