Internazzjonali

Ir-Russja: Akkużata bil-qtil ta’ blogger alleat ta’ Putin f’San Pietruburgu

Żewġ nisa mixlija bħala ‘terroristi’ mir-Russja qed ikunu investigati b’konnessjoni mal-isplużjoni ta’ bomba, fi tmiem il-ġimgħa, li fiha nqatel Vladlen Tatarsky, blogger magħruf u difensur kbir tal-President Russu Vladimir Putin. L-istess Tatarsky kien ta’ kuljum iwassal il-messaġġi dwar ‘in-neċessità’ tal-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tal-Kremlin.

Waħda min-nisa, Darya Trepova, bħalissa qed tinżamm taħt arrest talli allegatament ippreżentat statwett mimli bl-isplussivi lil Tatarsky waqt riċeviment li kien qed isir f’kafeterija fil-belt ta’ San Pietruburgu – bir-riżultat li hu miet minnufih fl-isplużjoni li anki ħalliet għexieren ta’ midruba; uħud minnhom serjament.

Trepova qed tinsisti li spiċċat il-vittma ta’ frame-up minn xi ħadd li, skont hi, ‘irid jimmanipula ċ-ċirkustanzi għall-iskopijiet tiegħu ‘.

L-awtoritajiet Russi issa ħarġu video ta’ Darya Trepova — li x’aktarx spiċċat suġġetta għal xi forma ta’ tortura — hi u tammetti li kienet għaddiet l-istatwett bl-isplussivi lil Tatarsky. Iżda fil-filmat il-mara fl-ebda ħin ma tgħid li kienet taf li kellha ssir xi splużjoni filwaqt li ma ammettietx dwar rwol speċifiku f’attentat ta’ qtil premeditat.

Dan waqt li l-pulizija Russa kienet qed tfittex għal mara oħra bl-isem Maria Yarun u li allegatament kienet kompliċi fl-attakk.

Intant, il-kelliema għall-Kremlin qalu li l-qtil ta’ Tatarsky irriżulta ‘mija-fil-mija’ minn azzjoni terroristika u li sar ‘bl-iskop ta’ intimidazzjoni fil-konfront ta’ kulmin jappoġġja l-liberazzjoni tal-Ukrajna minn reġim neo-Nażista’.