Lokali

Jallegaw li hemm it-tixħim fil-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali

Hekk kif fl-aħħar jiem fuq il-media soċjali, numru ta’ persuni akkużaw lil membri tas-Segretarjat tal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali b’irregolaritajiet fit-tqassim ta’ akkomodazzjoni soċjali kif ukoll li rċivew diversi rigali, issa l-pulizija qiegħda tinvestiga dawn l-allegazzjonijiet.

Fil-kummenti fuq il-media soċjali jingħad li hemm diversi provi dwar żewġ persuni li jidher li “jagħmlu li jridu u jaqdu lill-ħbieb tagħhom biss” u “anke rigali ħadu mingħand waħda għax bidlulha l-post.”

Waqt li dawn iż-żewġ uffiċjali isemmew b’isimhom, il-persuna li kkumentat fuq il-midja soċjali saħqet li dawn approvaw akkomodazzjoni soċjali lil “persuni li biegħu il-postijiet f’Tas-Sliema u ħadu flats tal-Gvern f’San Ġwann.” L-istess persuna tiddikjara li l-awtoritajiet jistgħu jibgħatu għaliha x’ħin iridu għax għandha l-provi u qed tgħid il-verità.

Minn naħa tiegħu, filwaqt li l-Ministru Roderick Galdes saħaq li dawn il-kummenti saru minn xi ħadd li għandu profil falz, jidher li saru diversi allegazzjonijiet oħra dwar l’irregolaritajiet li qegħdin isiru f’dan il-Ministeru minn żewġ persuni li l-profili tagħhom huma validu kemm għax inħolqu żmien twil ilu imma wkoll għaliex jinkludu mhux biss ritratti tagħhom imma wkoll ta’ qraba tagħhom.