Atletika Sport

L-aqwa sprinters jeċċellaw fil-Marsa Challenge Meeting

Wara tmiem drammatiku għar-Road Running Series, l-atleti issa reġgħu lura fit-trakka għall-ewwel Challenge Meeting tal-istaġun fejn issa qed ifittxu l-aħħar sforz biex jagħmluha mat-tim nazzjonali għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Dan wassal għal sensiela ta’ riżultati tajbin fil-Marsa, fuq quddiem nett, rekord nazzjonali ġdid fil-pole vault meta Nicolai Bonello ta’ La Salle qabeż 4.40m.

Fil-100m, Beppe Grillo u Carla Scicluna (Pembroke AC) rebħu t-tellieqa tagħhom f’ħin ta’ 10.71s u 11.87s rispettivament. Graham Pellegrini (Pembroke AC) ukoll jidher li reġa’ lura għal forma tajba wkoll meta daħal f’ħin ta’ 10.84s, b’Luke Bezzina, ta’ Pembroke wkoll, ftit warajh f’10.86s. Janet Richard u Thea Parnis Coleiro (Rush AC) irreġistraw ukoll ħinijiet veloċi, 11.97s u 12.24s rispettivament.

L-istess protagonisti kienu fix-xena fil-200m fejn ġew reġistrati żewġ rekords tal-kategorija minn Beppe Grillo u Graham Pellegrini. Grillo kiser ir-rekord tal-Under 20 li kien ilu hemm għal xejn anqas minn 27 sena, f’ħin ta’ 21.40s, b’Pelligrini ezatt warajh b’21.41s, ħin li bih stabbilixxa rekord ġdid għal kategorija Under 18. Iż-żewġ atleti kisbu l-ħinijiet li jikkwalifikawhom għal GSSE b’dan ir-riżultat.

Fost it-tfajliet, din id-darba Janet Richard għelbet lil Carla Scicluna b’ħinijiet ta’ 24.40s u 24.41s rispettivament, biex it-tnejn laħqu l-istandards minimi ta’ kwalifikazzjononi għall-GSSE. Kay Testa (Pembroke AC) daħlet it-tielet f’personal best ta’ 25.43s.

Prestazzjoni eċċellenti għal Rebecca Sare’ (Pembroke AC) fit-triple jump meta kisret ir-rekord personali tagħha erba’ darbiet f’sitt qabżiet, bl-aqwa riżultat, dak ta’ 12.70m jiggarantilha post mat-tim nazzjonali fil-GSSE. Magħha jingħaqad Ian Grech li b’qabża ta’ 14.54m ukoll serraħ moħħu minn post fit-tim.

Fl-itwal tellieqa tal-ġurnata, dik ta’ 10,000 metru, Dillon Cassar (Mellieħa), inqas minn ġimgħa wara li rebaħ ir-Road Running Series 2022-2023, ħareġ rebbieħ f’ħin ta’ 31:10.92. Gabriel Farrugia (Evolve EC) kiser ir-rekord nazzjonali tal-Under 20 meta temm f’31:34.90.