Lokali

Melita tniedi sejħa għal kawżi mingħajr skop ta’ qligħ

Sa mit-twaqqif tagħha fl-2020, il-Fondazzjoni Melita approvat ‘il fuq minn €500,000 f’appoġġ lil proġetti lokali fil-qasam tal-volontarjat.

Il-Fondazzjoni għadha kif nediet is-sejħa tal-2023 għal applikazzjonijiet rigward proġetti, fejn qed tistieden lil individwi u organizzazzjonijiet biex japplikaw għall-fondi.

Il-Professur Tanya Sammut-Bonnici, Chair tal-Fondazzjoni Melita, spjegat, “L-għan tagħna għal din is-sena huwa li ngħinu lil komunitajiet lokali jimxu ‘l quddiem permezz ta’ proġetti li jagħmlu differenza billi jżidu l-ħiliet lokali u l-benesseri soċjali. Il-viżjoni tagħna hi li noħoloqu aċċess għal opportunitajiet ta’ tkabbir u tisħiħ, xprunati mill-valuri
tagħna tal-ekwità u r-responsabbiltà soċjali.”

Għaldaqstant qed jintlaqgħu applikazzjonijiet fl-oqsma tal-Kreattività, Ħiliet Diġitali u l-Ambjent. Se tingħata prijorità lil proġetti innovattivi, żgħar kemm huma żgħar, li jħallu l-aktar impatt sinifikattiv fuq is-soċjetà, u lil individwi u organizzazzjonijiet b’rekord solidu ta’ esperjenza fis-settur soċjali.

Proġetti li jinvolvu l-fergħa tal-kreattività jistgħu jinkludu l-edukazzjoni, taħriġ, produzzjoni, esibizzjoni, wirja performattiva, u tixrid tal-arti kreattiva. Fil-qasam tal-ħiliet diġitali, il-proġetti jistgħu jinkludu edukazzjoni, taħriġ, u investiment fil-hardware u software. Proġetti ambjentali jistgħu jgħinu fil-protezzjoni tal-ambjent naturali jew inkella
jiffukaw fuq ir-riżorsi sostenibbli, enerġija alternattiva u mmaniġġjar tal-ilma.

Aktar informazzjoni, inkluż dettalji fuq kif tapplika għall-finanzjament, tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Fondazzjoni Melita www.melitafoundation.org.