Lokali Qorti

Mixlija bi ġrieħi gravi fuq l-eks sieħeb tagħha li tressaq fuq vjolenza domestika tgħid li kien każ ta’ ‘self defence’

Wara li xi jiem ilu kien tressaq il-Qorti raġel ta’ 38 sena fuq vjolenza domestika, t-Tnejn quddiem il-Maġistrat Elaine Merceica Rizzo tressqet l-eks sieħba tiegħu wkoll minn Bormla mixlija li kkaġunat ġrieħi ta’ natura gravi fil-konfront tiegħu permezz ta’ daqqa ta’ kikkra, liema nċident seħħ fit-22 ta’ Marzu li għadda għall-ħabta ta’ 12.15pm.

Diana Degariele ta’ 37 sena wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha, bl-Avukat tagħha, Charles Merceica jgħid li dan kien każ klassiku ta’ ‘self defence.’ Nhar il-Ġimgħa, 24 ta’ Marzu li għadda allegatament Stefano Montebello, minn Bormla wkoll kien mixli li hedded lill-akkużata u lil binha li kien se jagħtihom in-nar u jispara lill-annimali tagħhom b’airgun u fost oħarajn, allegatament qal lil Diana li kien se jħanxar lil binha.

Montebello kien ittieħed l-isptar b’’concussion’, fejn kien sostna li l-ferit kienu kkaġunati mill-allegat vittma li kienet laqtitu b’kikkra. Degabriele ġiet mixlija wkoll li inġurjat lill-eks sieħeb tagħha u li kisret il-paċi pubblika. L-Ispettur Colin Sheldon għat-tieni darba spjega dwar kif seħħ l-inċident fejn qal li l-koppja kienu ilhom flimkien għal madwar ħames xhur.

Qal li l-imputata għandha tifel żgħir u li hi stess għamlet rapport tal-inċident fil-preżenza ta’ missierha, zijuha u binha, b’dan ta’ l-aħħar anke jiġi mitkellem miċ-Child Protection Unit, u li hu wkoll irillaxxat stqarrija. Ix-xhud qal li t-tifel seta’ jirrelata; dwar x’ġara u ma ġarax fil-każ.

Mistoqsi dwar ir-relazzjoni tat-tifel ma’ ommu mill-avukat Charles Merceica, l-Ispettur Sheldon qal li t-tifel dejjem irid ikun ħdejn ommu u li huwa minnu li min jeddha għamlet rapport lill-Pulizija dwar l-inċident minkejja li kienet taf li se titressaq il-Qorti.

L-Ispettur qal ukoll li wara l-inċident Stefano Montebello għamel ġurnata u nofs l-isptar minħabba l-ġrieħi li ġarrab. L-Avukat Mercieca għamel talba għall-pleġġ tal-klijenta tiegħu anke fid-dawk tal-fatt li trid tieħu ħsieb lil binha u li għandha kondotta nadifa, bil-prosekezzjoni ma toġġezzjonax għal tali talba.

Il-Qorti laqgħet it-talba fuq garanzija personali ta’ 2,000 ewro u li tiffirma kull nhar ta’ Tnejn fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Bormla bejn it-8am u 8pm. L-Ispettur Sheldon qal ukoll fil-Qorti li Montebello kien arrestat wara li kien hedded li jikkawża “massakru.” Il-Qorti kienet ċaħdet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest tal-eks sieħeb tal-imputat.