Futbol Sport

Mosta u Pietà Hotspurs iħallu kollox miftuħ beraħ

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Gowl skurjat tard fil-partita minn Zach Brincat ta rebħa importantissima lil Mosta fejn biha issa fetħu mill-ġdid it-tamiet tagħhom ta’ kwalifikazzjoni fl-Ewropa. Kienet logħba li l-avversarji tagħhom Gżira, sa qabel it-23 ġurnata fit-tieni post tal-klassifika, iddominaw iżda ftit kienu effettivi.  Dan ir-riżultat fisser ukoll li t-timijiet li ser jirrapreżentaw lil Malta fil-kompetizzjonijiet Ewropej ser insiru nafuhom fl-aħħar ġurnata. Mosta wrew karattru u perseveranza fejn wara li sofrew gowl kmieni fil-partita wara żball fid-difiża kisbu d-draw minn free-kick tal-ispeċjalista Failla. U minkejja li sofrew il-pressjoni tal-avversarji xorta baqgħu jemmnu biex għaxar minuti mit-tmiem skurjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa.

B’rebħa kbira ta’ 5-0 Birkirkara umiljaw lil Hibernians biex telgħu fit-tieni post tal-klassifika. Wara t-telfa tal-Maroons is-Sibt kontra Mosta dan kien iċ-ċans għall-Istripes biex jaqbżu fit-tieni post tal-klassifika. U huma ħaduh bil-kbir peress li sal-ewwel taqsima huma kienu diġa fil-vantaġġ bl-iskor ta’ 4-0 u partita magħluqa. Birkirkara wrew l-intenzjonijiet tagħhom mill-ewwel fejn ftit li xejn taw spazji lill-Pawlisti. It-telfa għal dawn tal-aħħar tista tfisser daqqa ta’ ħarta fit-tamiet Ewropej tagħhom. Fil-fatt huma nqabżu minn Mosta biex is-sitwazzjoni saret aktar kumplessa. Wieħed stenna ħafna aktar minn Hibernians li donnhom xejn ma’ qed jiġihom tajjeb wara s-suċċess tas-sena li għaddiet. Huma jridu li jirbħu l-aħħar tlett logħbiet tagħhom u jittamaw f’ħaddieħor ukoll aktar u aktar li jinsabu barra wkoll mill-FA Trophy.

Plejers ta’ Birkirkara jiċċelebraw wieħed mill-gowls f’rebħa ta’ 5-0 kontra Hibernians (Ritratt: Joseph Galea)

Floriana kisbu d-disa’ rebħa tal-istaġun dan wara li huma għelbu lil Santa Lucia bl-iskor ta’ 2-0. Il-gowls tal-Greens waslu fit-tieni taqsima miż-żewġ żgħażagħ Veselji u Magri Overend. Minkejja li din ir-rebħa ftit li xejn għamlet differenza għal Floriana, mill-banda l-oħra għas-Saints din kienet daqqa ta’ ħarta oħra fit-tentattiv li jevitaw ir-relegazzjoni awtomatika. Aktar minn hekk għal Floriana din tista titqies bħala tpattija sportiva wara li kienu Santa Lucia li eliminawhom mill-Izibet FA Trophy. Għal Santa Lucia mhux dan ir-riżultat biss kien ħażin fi tmiem il-ġimgħa iżda r-rebħa li Pieta kisbu kontra Marsaxlokk fissret li huma ntleħqu mill-Hotspurs meta sa ftit tal-ġimgħat ilu ftit li xejn kien previst li dan iseħħ.

Ħamrun Spartans komplew jiċċelebraw ir-rebħ tad-disa’ kampjonat dan wara li huma għelbu lil Balzan bi skor konvinċenti ta’ 4-0. Minkejja li l-aktar tim li kien motivat li jikseb il-punti kienu Balzan, imma Ħamrun urew li t-titlu ta’ Champions huwa wieħed ultra milli mistħoqq. It-tim immexxi minn Branko Nisevic kien dominanti b’Luke Montebelli jiskorja nofs il-gowls tal-Ispartans. Ħafna ħasbu li Ħamrun kienu ser jilgħabu b’formazzjoni dgħajfa iżda dan ma’ kienx il-każ. Mill-banda l-oħra Balzan riedu l-punti biex ikomplu jisfidaw għall-Ewropa. Minkejja li ċ-ċans għadu hemm dan kien pass lura. Għat-tim immexxi minn Oliver Spiteri, din it-telfa kienet l-ewwel waħda tas-sena 2023.

Pietà Hotspurs jkomplu jissieltu għas-salvazzjoni hekk kif huma kisbu rebħa kontra Marsaxlokk li fetħitilhom orizzonti ġodda li jistgħu jevitaw ir-relegazzjoni awtomatika. Fil-fatt huma issa leħqu lil Santa Lucia fuq ħdax-il punt filwaqt li jinsabu tlett punti biss taħt Żebbuġ Rangers. Għaldaqstant kif inhuma l-affarijiet bħalissa kollox huwa possibbli. It-telfa tar-Rangers kontra Valletta fissret salvazzjoni awtomatika għax-Xlukkajri. Minkejja dan il-bidu kien kollu ta’ M’Xlokk li iżda ħadu daqqa ta’ ħarta bit-tkeċċija ta’ Aguirre. Dan l-episodju dawwar l-andament tal-partita biex il-Hotspurs bdew jemmnu aktar u rnexxielhom idawru r-riżultat biex kisbu tlett punti li jiswewm mitqlu deheb.

Valletta kisbu rebħa kbira bl-iskor ta’ 5-1 f’logħba li kienet iddominata mill-Beltin kif wara kollox jindika l-iskor. Fil-fatt il-Beltin ħarġu mill-ewwel fuq l-offensiva fejn wara biss seba’ minuti kienu diġa sabu x-xibka. Ir-Rangers irrispondew b’mod immedjat fejn kienu sfortunati li laqtu l-lasta. Iżda minn hemm il-quddiem bdejna naraw lil Valletta aktar offensivi bit-triq tal-gowl tkun waħda faċli. Jidher li Valletta jridu jispiċċaw dan l-istaġun fuq nota pożittiva konxji mill-fatt li dan ser ikun bla unuri. Imma tal-anqas iridu juru li l-kwalita fl-iskwadra qeda hemm u forsi jibgħatu messaġġ li għall-istaġun li ġej it-tim mill-Belt Kapitali ser ikunu wieħed ta’ aktar sfida. Irridu ovvjament nistennew biex naraw il-pjanijiet futuri.

Andrea Zammit ta’ Valletta jipprova jwaqqaf lil Stanimir Mioskovic ta’ Żebbuġ Rangers (Ritratt: Catriel Farrugia)

Finalment Sirens kisbu rebħa u tlett punti li jfissru li t-tim minn San Pawl il-Baħar staġun ieħor ser ikun qed jilgħab għal darb’oħra fil-Kampjonat Premier. Kien gowl skurjat minn Ivan Kolev li fired lil dawn iż-żewġ timijiet filwaqt li kien rivinċita għal Sirens wara li kienu Gudja United stress li eliminawhom mill-FA Trophy. Importanti nsemmu li l-gowlkeeper ta’ Sirens Cassar kien strumentali sabiex huma kisbu din ir-rebħa dan peress li salva diversi okkażjonijiet tal-avversarji tagħhom.  Għal Gudja United din kienet il-ħames telfa mill-aħħar tmien logħbiet fejn fit-tieni parti tal-istaġun it-tim deher xi ftit jew wisq inkonsistenti.

INNUTAJNA

LI  Valletta żanżnu gear ġdid b’kuluri mhux daqstant tradizzjonali. Fil-fatt il-kulur isfar u ċelest mhux dak li s-soltu mdorrijin naraw lil Valletta bih. Normalment dawn huma l-abjad u l-aħmar. Imma din hija xi ħaġa li tiġri madwar l-Ewropa kollha fejn spiss naraw timijiet b’kuluri partikolari.

LI fil-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret mill-klabb tal-Gżira jidher li l-President attwali Sharlon Pace mhux ser jibqa fil-kariga. Huwa mifhum li Pace jrid li jikkonċentra aktar fuq affarijiet personali    

LI  Sliema Wanderers ikkonfermaw is-saħħa tagħhom fiċ-Challenge League hekk kif huma rebħu l-unur ta’ Champions wara rebħa tennistika bl-iskor ta’ 6-0 kontra Żejtun Corinthians. Prosit mill-ġdid.