Lokali

IĊ-CHATS TA’ ROSIANNE CUTAJAR: Laqgħa tal-Eżekuttiv illejla fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista

NET NEWS se jżommkom aġġornati bl-iżviluppi kollha marbuta ma' din il-laqgħa

Illejla issejħet laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista fl-isfond tal-pressjoni kbira li qed tikber fuq Robert Abela minħabba l-każ Rosianne Cutajar, u stejjer oħra li żviluppaw fl-aħħar xahar u nofs – fosthom id-daqqa li ħa l-Labour wara s-sentenza tal-isptarijiet, u anke l-każ tal-pool illegali tal-Ministru Ian Borg.

Għalkemm fuq l-aġenda qed jissemma’ li se ssir diskussjoni dwar l-avvenimenti li se jorganizza l-Labour fil-ġimgħat li ġejjin, sorsi mill-qalba tal-Partit Laburista qalulna li ċ-chats ta’ Rosianne Cutajar se jkunu t-tema ewlenija. Dan għaliex ħadd ma jista’ jifhem kif il-Prim Ministru għadu sa issa ma ħa azzjoni dwarha.

B’wieħed mid-delegati li huwa wkoll membru tal-Eżekuttiv jistqarr magħna l-frustrazzjoni tiegħu. “Issa xbajt. Basta konna ngħidu għan-Nazzjonalisti. Dan qed jara l-ħmieġ bil-provi, nies jitħanżru u ma jagħmel xejn!”

L-istess delegat qalilna wkoll li jekk illejla Rosianne Cutajar titkeċċa mill-Grupp Parlamentari, din il-mossa tkun bla dubju tard wisq – għaliex issa saret ħafna ħsara, kif qed juru wkoll is-surveys pubblikati dan l-aħħar.

Oħrajn huma tal-fehma li jekk Abela jieħu passi kontra Rosianne Cutajar, għandu jieħu passi wkoll kontra Ian Borg li issa ilu xhur sħaħ bl-istorja tal-pool imdendla fuq rasu.

Intant, ftit tal-ħin ilu saqsejna lill-Ministru Miriam Dalli jekk hix se tattendi għall-Eżekuttiv. B’Dalli tgħidilna li għadha se tara jekk hux se tattendi jew le.

“Hemm l-Eżekuttiv, u l-aġenda ma niddiskutijiex miegħek”, qaltilna Miriam Dalli.