Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li kkommetta ħsara fil-lift tal-Marsa-Ħamrun bypass

Żagħżugħ ta’ 21 sena mill-Eritrea ġie kundannat disa’ xhur ħabs sospiżi għal sena mill-Maġistrat Elaine Merceica Rizzo wara li ammetta li fid-19 ta’ Settembru tal-2022 ikkommetta ħsara fuq il-lift tal-Bridge Oranġjo li hemm fil-Marsa-Ħamrun bypass għad-dannu ta’ Infrastructure Malta.

Adhanom Gebrit, li qal li jgħix ma’ xi ħbieb il-Marsa, ammetta li wettaq din il-ħsara liu tammonta għal 840 ewro. L-Ispettur Ian Vella li mexxa l-prosekuzzjoni qal fil-Qorti li kienet waslet email għand il-Pulizija bid-dettalji ta’ dak li kien seħħ u wara investigazzjoni l-Pulizija waslu għal Gebrit.

Grebrit qal li hu jaħdem ir-Rabat bil-prosekuzjoni tgħid li huwa kkopera mal-Pulizija u li l-ħsara kommessa 840 euro il-VAT mhijiex inkluża. Tenna li hu bagħat għall-imputat nhar il-Ħadd u fir-rigward tal-piena qal lill-Qorti li trid tieħu inkonsiderazzjoni li l-ħsara saret fuq propjeta pubblika u għalhekk din għandha tiżdied bi grad u li l-multa għandha tkun ekkwivalenti għal ħsara li wettaq.

L-Ispettur qal li qatt mhuwa ġustifkat li persuna anke meta tkun taħt l-effett tad-droga u jew xorb jagħmel atti bħal dawn. Dan il-lift jintuża minn nies anzjani, dawk b’diżabilità u ommijiet bil-‘push chair” li minħabba dak li ġara ma setgħux jużaw il-lift.

L-Avukat Mark Mifsud Cutajar talab lill-Qorti biex tieħu kunsiderazzjoni tal-ammissjoni bikrija tal-akkużat mhux biss fil-Qorti imma anke waqt l-investigazzjoni. Tenna wkoll li sa mill-bidu, ħa r-responsabbilità fuq spallejh u fl-istqarrija qal lill-Pulizija li lest li jagħmel tajjeb għal ħsara li wettaq.

Semma wkoll il-kondotta nadifa tal-imputat u li għandu jingħata żmien biex iħallas tal-ħsara li wettaq. Il-Qorti filwaqt li ssospendiet il-piena ta’ ħabs, ordnatlu wkoll għal ħlas ta’ multa ta’ 840 ewro, li jistgħu jitħallsu f’perjodu ta’ 100 ewro fix-xahar għad-danni li wettaq.